Saturday, January 4, 2025

Aktar drittijiet għall-ħaddiema

Aqra wkoll

Il-ħaddiema jixirqilhom li jkunu stmati l-istess, li jkollhom kundizzjonijiet tax-xogħol tajba u jieħdu bi dritt dak li ħaqqhom u dak li qed jaħdmu għalih, huma min huma, ġejjin minn fejn ġejjin.

Kien għalhekk li minn nhar l-Erbgħa l-1 ta’ Jannar 2025 daħal fis-seħħ il-kunċett tal-ħlas indaqs għal kulħadd għal xogħol tal-istess valur.

Bl-introduzzjoni ta’ din il-liġi il-ħaddiema tal-kuntratturi se jibdew jiġu protetti u b’hekk ikollhom l-istess paga u l-istess kundizzjonijiet tax-xogħol bħal dawk li jkunu tal-post fis-settur privat. 

Drittijiet oħrajn li se jiġu salvagwardjati huma l-ħin tax-xogħol u tal-brejk, il-perjodi ta’ mistrieħ, ix-xogħol ta’ bil-lejl, il-leave ta’ matul is-sena, il-ħlas miżjud għall-festi, trattament ugwali u protezzjonijiet oħra.

Is-Segretarju Parlamentari għad-Djalogu Soċjali Andy Ellul li ħadem ferm fuq din il-liġi, spjega li dan is-settur kien jixraqlu qafas regolatorju professjonali u robust biex iħalli l-operaturi serji jkattru iktar ġid f’pajjiżna filwaqt li jelimina kull forma ta’ abbuż, diskriminazzjoni u sfruttament ta’ ħaddiema. 

Qal ukoll li permezz ta’ dawn ir-regoli l-ġodda se nkunu nistgħu nipproteġu d-drittijiet ta’ dawn il-ħaddiema b’mod iktar effettiv filwaqt li nassiguraw ukoll li f’pajjiżna jiġu biss dawk il-ħaddiema b’ħiliet li huma ta’ bżonn għall-ekonomija tagħna. 

Dwar il-proċess ta’ konsultazzjoni biex iddaħħlet din il-liġi, is-Segretarju Parlamentari Ellul spjega li din kienet waħda vasta u li inkludiet diskussjoni wiesgħa ma’ trejd unjins, rappreżentanti ta’ min iħaddem, aġenziji tax-xogħol, negozji, kumpaniji, lukandi u fabbriki f’pajjiżna.

Dawk il-ħaddiema li jaħdmu fis-settur pubbliku, mill-1 ta’ Jannar 2025, ser jibbenefikaw minn tlett ijiem ta’ Carers’ leave bi ħlas. Dan il-leave, jistgħu jgawdu minnu ħaddiema li jinqalgħalhom il-bżonn li jibqgħu d-dar sabiex jieħdu ħsieb xi membru tal-familja jew xi ħadd li jgħix fl-istess dar minħabba raġunijiet ta’ saħħa. Minn ħamest ijiem Carers’ leave issa ser jingħataw tlett ijiem bi ħlas, u dan bil-għan biex inkomplu noħolqu bilanċ bejn id-dinja tax-xogħol u l-ħajja privata.

Din il-liġi storika tal-Equal Pay flimkien maż-żieda fil-Carers’ Leave bi ħlas għall-ħaddiema fis-settur pubbliku mhux biss se jkunu qed isaħħu lill-ħaddiem iżda se jkunu qed iwasslu għal kwalità akbar fis-suq tax-xogħol f’pajjiżna.

Ekonomija

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport