Il-perjodu tal-festi tal-Milied u l-Ewwel tas-Sena kien wieħed pożittiv għall-andament turistiku fil-gżira Għawdxija. Dan kien possibbli bi żjarat li saru kemm mill-Maltin kif ukoll minn turisti li f’dan il-perjodu kienu f’dawn il-gżejjer.
Dwar dan tkellimna mal-Kap Eżekuttiv tal-Assoċjazzjoni Għawdxija tat-Turiżmu (GTA) Joe Muscat li qalilna li jkun hemm stennija kbira mill-operaturi turistiċi għal dan il-perjodu li jagħti dik l-imbuttatura meħtieġa f’dan l-istaġun.
“Deher li kien perjodu pożittiv għall-istabbilimenti turistiċi Għawdxin, kemm mill-klijentela lokali, mis-suq Malti u nħasset il-preżenza tas-suq barrani fil-gżira Għawdxija,” qal is-Sur Muscat.
Huwa kompla billi semma kif f’dan il-perjodu jkun hemm bosta Maltin li għandhom proprjetà f’Għawdex, li jqattgħu dawn il-ġranet f’Għawdex u b’hekk ikomplu jżidu man-numri li diġà jkun hemm fil-gżira.
Min-naħa l-oħra, is-Sur Muscat irrimarka li kemm is-settur tal-akkomodazzjoni kif ukoll is-settur tal-istabbilimenti tal-ikel irrapportaw li kellhom perjodu pożittiv.
“L-istabbilimenti tal-ikel jidher li ħadmu tajjeb b’mod speċjali fil-perjodu tal-aħħar tas-sena. Imbagħad hemm ukoll dak l-element li dawn l-istabbilimenti jkomplu jaqdu għal numru ta’ ikliet li jkunu organizzati bħalma huma staff parties jew ikliet bejn il-ħbieb fost oħrajn.”
Il-Kap Eżekuttiv tal-GTA tenna jgħid li dan huwa perjodu li Għawdex qed jirnexxilu jattira lejh numru ta’ viżitaturi kemm biex imorru jqattgħu numru ta’ ġranet hemm u anke dawk li jitilgħu għal ġurnata. B’waħda mir-raġunijiet tkun li bejn is-6 ta’ Diċembru u s-6 ta’ Jannar, Għawdex ikollu programm ippakkjat b’attivitajiet kulturali marbutin ma’ dan il-perjodu, imxerrdin mal-gżira kollha.
“Dan jgħin biex it-turist u l-Malti li jkun hawn fostna, mhux biss imur biex jiekol imma jkollu attrazzjonijiet differenti fejn wieħed jista’ jgħaddi l-ħin tiegħu,” qal is-Sur Muscat. “Inħossu li dan huwa perjodu importanti ħafna għall-istabbilimenti tagħna, għar-raġuni li minn issa sa perjodu ieħor li fih ikollna nfluss ta’ viżitaturi ġewwa Għawdex, qed nirreferi għax-xahar ta’ Frar li jkun pjuttost movimentat – bil-festa ta’ San Pawl, San Valentinu u t-tlett ijiem tal-Karnival – sa dak il-perjodu nerġgħu nistennew li f’Għawdex ikollna perjodu kwiet. Allura dawn il-‘breaks’ huma importanti ħafna għas-settur turistiku fil-gżira Għawdxija.”