Il-proġett ta’ konservazzjoni marbut mal-pitturi uniċi fuq il-ħitan li juru l-battalja tal-Assedju l-Kbir tal-1565 fil-Palazz tal-Gran Mastru fil-Belt se jitlesta dalwaqt, wara li l-Awtorità tal-Ippjanar tat donazzjoni addizzjonali ta’ €70,000 għal dan il-proġett.
Lura fl-2020, l-Awtorità kienet diġà ffinanzjat €75,000 għal dan il-proġett. Id-donazzjoni ngħatat lir-Research,
Innovation & Development Trust (RIDT) fi ħdan l-Università ta’ Malta.
Il-proġett li fit-totalità tiegħu qed jiswa €300,000 qed isir mid-Dipartiment tal-Konservazzjoni u Wirt Mibni, fi ħdan l-Università ta’ Malta u Heritage Malta, taħt il-patroċinju tal-Uffiċċju tal-President ta’ Malta.
Imqiegħed fil-Kamra tal-Kunsill il-Kbir tal-Palazz tal-Gran Mastru fil-Belt Valletta, iċ-ċiklu tal-pitturi fuq il-ħitan joffri rappreżentazzjoni unika – u storikament preċiża – tal-Assedju, meta l-Maltin li kienu ferm anqas fin-numru, immexxija mill-Kavallieri Osptarieri, iddefendew b’suċċess il-gżira minn attentati u invażjoni mill-Imperu Ottoman.
Il-Gran Mastru veteran tal-Assedju l-Kbir, Fra Jean de Cassiere (1572-1581), stieden lill-artist Matteo Perez d’Aleccio (1547-1628) biex jiġi Malta fl-1577 sabiex ipinġi l-Assedju ta’ erba’ xhur. Bl-użu ta’ rakkonti ta’ xhieda u rapporti bil-miktub, d’Aleccio ħoloq sekwenza narrattiva tal-Assedju fuq sensiela ta’ 12-il xena, u rrekordja sal-anqas dettall episodji veri li jiddefinixxu l-istorja ta’ Malta.
Oliver Magro, Chairperson Eżekuttiv tal-Awtorità tal-Ippjanar, qal li “aħna kburin b’mod partikolari bl-assoċjazzjoni tagħna ma’ dan il-proġett ta’ restawr. Il-finanzjament li tajna ta’ €145,000 lejn ir-restawr ta’ dawn il-pitturi fuq il-ħitan, li huma mill-isbaħ, ser tiżgura li dan itteżor nazzjonali jitgawda mill-ġenerazzjonijiet futuri. Infaħħru l-ħidma eċċellenti li qiegħda titwettaq mid-Dipartiment tal-Konservazzjoni u l-Wirt Mibni fl-Università ta’ Malta, immexxi mill-Professoressa JoAnn Cassar u t-tim tagħha. L-appoġġ tagħna għal proġetti li jippromwovu u jippreservaw il-wirt ta’ Malta ser ikompli fil-futur.”
Il-Ministru għax-Xogħlijiet Pubbliċi u l-Ippjanar Stefan Zrinzo Azzopardi wera s-sodisfazzjoni tiegħu għal kontribut sostanzjali li tat l-Awtorità tal-Ippjanar waqt li rringrazzja lid-Dipartiment tal-Konservazzjoni u Wirt Mibni għall-ġestjoni u s-sorveljanza ta’ dan il-proġett.
Ir-Rettur tal-Università ta’ Malta, il-Professur Alfred Vella qal li “minbarra r-rwoli tradizzjonali tat-tagħlim u r-riċerka, università moderna mistennija tifhem il-ħtiġijiet tal-komunità tagħha u tipparteċipa b’mod attiv fit-tisħiħ tas-soċjetà.”