Għadd ġmielu ta’ xufiera li jwasslu l-ikel (food couriers) u li jagħtu servizz lil Wolt issieħbu bħala membri fil-General Workers’ Union sabiex din tagħtihom l-assistenza kollha neċessarja li għandhom bżonn.
Kien fil-jiem li għaddew meta ssejħet laqgħa fil-binja tal-GWU għal dawn il-ħaddiema minħabba li stqarru li kienu mħassba bis-sitwazzjoni tagħhom. L-ilmenti prinċipali tagħhom kienu relatati mal-benefiċċji u l-pagi li kienu qed jirċievu.
Is-Segretarju tat-Taqsima GWU Ospitalità u Ikel Kevin Abela indirizza lil dawk preżenti u assigurahom li l-union se tkun qiegħda taħdem għalihom biex dak li huwa dovut lilhom bi dritt, jingħatalhom.
F’kummenti ma’ dan il-ġurnal, is-Segretarju Abela qal li l-union għandha suspett li dawn il-ħaddiema mhumiex jitħallsu kif suppost u bir-rati kif suppost u għaldaqstant se tkun qiegħda tagħmel il-verifiki tagħha f’dan ir-rigward.
Huwa żied jispjega li l-ħaddiema diġà kienu għamlu xi talbiet direttament lil Wolt u fil-fatt kienu qegħdin jistennew xi tip ta’ tweġiba mingħandhom. Tenna li f’każ li dawn jibqgħu bla tweġiba, il-union ikollha tipproċedi sabiex tikkuntattja hi lill-kumpanija.
Sadanittant, is-Sur Abela ddeskriva wkoll bħala “inkwetanti” l-fatt li qabel saret din il-laqgħa, ammont sostanzjali minn dawn il-ħaddiema allegatament qalu li kienu rċevew “theddid” b’telefonati u messaġġi fejn intqal lilhom li jekk kienu se jkunu preżenti għal-laqgħa hemm ċans li l-impjieg tagħhom jiġi terminat u jiġu deportati.
Huwa għamilha ċara li l-union mhix se tittollera dan it-tip ta’ theddid. “Għaldaqstant qed nagħmlu l-verifiki tagħna sabiex inkunu nistgħu nipproċedu u nagħmlu rapporti mal-pulizija,” tenna s-Segretarju tat-Taqsima GWU Ospitalità u Ikel.
Dan il-ġurnal tkellem ukoll ma’ wieħed mir-rappreżentanti ta’ dawn il-ħaddiema, li qalilna li kienu sodisfatti bl-andament ta’ din il-laqgħa u li l-ħaddiema jinsabu mexjin “fit-triq it-tajba.”
Filwaqt li stqarr li kien ixxukkjat meta sema’ dwar il-pagi li kienu qed jingħataw lil dawn il-ħaddiema, huwa nnota li kien hemm ħaddiema oħra li m’attendewx għal-laqgħa minħabba li beżgħu li setgħu jitilfu l-impjieg tagħhom. Huwa wera t-tama li wara din il-laqgħa jkun hemm xi tip ta’ titjib fil-kundizzjonijiet ta’ dawn il-ħaddiema.