Il-Gvern huwa impenjat li jkompli jinvesti fl-innovazzjoni, l-infrastruttura u fin-nies li jaħdmu fis-setturi tal-biedja u s-sajd. Fil-fatt, il-Gvern qed jinvesti €10 miljun fil-Food Innovation Hub, li se jkun ċentru ta’ innovazzjoni, riċerka u kollaborazzjoni bejn il-bdiewa, produtturi, xjentisti u imprendituri.
Dan intqal mill-Ministru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali Anton Refalo waqt li kien qed jitkellem f’seduta speċjali fil-Parlament biex ikun imfakkar il-Jum Dinji tal-Ikel.
Il-Ministru Refalo esprima t-twemmin tal-Gvern li jibqa’ jmexxi ’l quddiem investiment fil-futur tal-ikel f’pajjiżna b’mod olistiku taħt il-kappa tal-politika nazzjonali dwar l-ikel b’enfasi speċjali fuq l-ikel u l-bieda organika.
Fid-diskors tiegħu, il-Ministru Refalo rrefera għal investiment ieħor ta’ €10 miljun fil-Farmers’ Market f’Ta’ Qali li se jservi ta’ spazju modern u organizzat għall-bejgħ dirett mill-bdiewa lejn il-konsumaturi. Dan il-proġett se jservi wkoll ta’ spazju biex tissaħħaħ ir-relazzjoni bejn min jipproduċi u min jixtri. B’dan il-mod ukoll tissaħħaħ il-fiduċja fis-sistemi lokali tal-ikel.
Il-Ministru Refalo enfasizza li dawn l-investimenti għall-Gvern ma jfissrux biss infrastruttura imma huma dikjarazzjoni solenni ta’ fiduċja fil-bdiewa, raħħala u sajjieda li jipproduċu l-prodotti lokali.
Min-naħa tagħha, is-Segretarju Parlamentari għall-Akwakultura, Sajd u Drittijiet tal-Annimali Alicia Bugeja Said tkellmet dwar il-produzzjoni u l-konsum tal-ikel filwaqt li enfasizzat il-ħtieġa li aktar żgħażagħ ikomplu jiġu attirati lejn is-setturi tal-biedja u s-sajd.
Is-Segretarju Parlamentari Bugeja Said enfasizzat ukoll dwar x’għażliet qed nagħmlu bħala poplu fejn jidħol l-ikel u staqsiet jekk dak li qed nagħżlu biex nieklu huwiex lokali u nutrittiv. Għalhekk saħqet li jeħtieġ li nipprowovu drawwiet ta’ ikel tajjeb għas-saħħa.
“Minn produzzjoni sa konsum, il-bdiewa, is-sajjieda, il-ġenituri, it-tfal, u aħna lkoll bħala konsumaturi għandna rwol x’nilagħbu. Jeħtieġ nappoġġjaw l-ikel lokali, nagħtu valur lill-ħidma ta’ dawk li jaħdmu l-art u l-baħar, innaqqsu l-ħela, u nipprovdu l-aħjar nutrizzjoni lil uliedna,” qalet is-Segretarju Parlamentari Bugeja Said.
“Il-ġlieda kontra l-ġuħ trid issir dmir morali u leġiżlattiv” – l-Ispeaker Anġlu Farrugia
Fid-diskors tiegħu, l-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati Anġlu Farrugia wissa li l-ġuħ jibqa’ wieħed mill-akbar kontradizzjonijiet tal-era moderna. Huwa enfasizza li minkejja l-progress teknoloġiku u xjentifiku li għamlet id-dinja, il-ġuħ u l-ħela tal-ikel jibqgħu jirrappreżentaw nuqqas globali ta’ solidarjetà u ġustizzja, fejn miljuni ta’ tunnellati ta’ ikel jintremew kull sena filwaqt li miljuni ta’ bnedmin oħra għadhom jistennew platt sempliċi biex jgħixu.
Huwa qal li l-ġlieda kontra l-ġuħ trid issir dmir morali u legali, fejn il-Parlamenti jkunu l-forza li tgħaqqad il-kelma mal-fatt u timpenja lill-gvernijiet biex iwettqu l-wegħdiet tagħhom. Huwa saħaq li l-ikel għandu jitqies bħala dritt legali u mhux privileġġ tal-ftit, u li l-veru test tal-umanità jitkejjel mhux b’kemm nitkellmu dwar il-ġuħ, iżda b’kemm innaqqsuh.
L-Ispeaker saħaq fuq il-ħtieġa li l-innovazzjoni u t-teknoloġija jintużaw b’sens ta’ ġustizzja u solidarjetà. Huwa semma li hemm diversi sistemi bħal dawk li jiġbru ilma mill-arja, sistemi polimeriċi li jitħalltu mal-ħamrija li jżommu l-umdità fl-istess ħamrija u sistemi ta’ użu mill-ġdid ta’ ilma trattat bħal “New Water”, bħala eżempji ta’ soluzzjonijiet prattiċi li għandhom isiru disponibbli għall-umanità kollha.
Skontu, Malta għandha l-esperjenza u l-għarfien biex tkun minn ta’ quddiem f’din il-bidla, speċjalment fil-qasam tal-ġestjoni sostenibbli tal-ilma u tal-agrikoltura fil-Mediterran u fl-Afrika.
L-Ispeaker faħħar l-isforzi tal-Gvern ta’ Malta biex jindirizza l-ħela tal-ikel permezz ta’ strateġiji bħal-Long-Term Waste Management Plan 2021 – 2030 u l-Malta Strategy for Resilient Food Systems. Huwa rrikonoxxa l-ħidma tal-Aġenzija Maltija tal-Ikel, l-inizjattiva Żomm Tarmix u l-pjattaforma diġitali li tiffaċilita t-tqassim ta’ ikel żejjed b’mod sigur.
Tkellem ukoll il-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija Maltija tal-Ikel Brian Vella li stqarr li l-Jum Dinji tal-Ikel ifakkarna li kull deċiżjoni li nieħdu dwar l-ikel, minn kif nipproduċuh u nixtruh, dejjem tħalli impatt fuq l-ekonomija, l-ambjent u s-saħħa tagħna.
Is-Sur Vella saħaq ukoll li meta naħdmu flimkien, inkunu verament qed nibnu futur fejn l-ikel Malti mhux biss ikun ta’ konsum imma jsaħħaħ l-identità u l-kburija nazzjonali tagħna.
Il-konferenza kienet indirizzata wkoll mill-Kelliem Ewlieni tal-Oppożizzjoni għall-Ambjent Rebekah Borg, mill-Kelliem Ewlieni tal-Oppożizzjoni għall-Agrikoltura, is-Sajd u t-Trasport Toni Bezzina kif ukoll diversi kelliema lokali u barranin.