Dan il-Gvern qed ikompli jinvesti fil-ħaddiema. Prova ta’ dan huwa l-aħħar ftehim kollettiv li ġie ffirmat il-Ġimgħa li għadda li minnu se jgawdu l-ħaddiema kollha tas-Servizz Pubbliku. B’dan il-ftehim, 33,000 impjegat se jkunu qegħdin jibbenefikaw minn żidiet sostanzjali fil-pagi u titjib qawwi fil-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħhom.
Dan il-ftehim jidħol fis-seħħ mill-bidu tas-sena d-dieħla sas-sena 2030 u se jiġu investiti għalih €1.27 biljun, hekk kif ikopri żidiet fil-pagi, żidiet f’allowances ġodda u l-introduzzjoni ta’ allowances oħrajn. Permezz ta’ dan il-ftehim ukoll, l-impjegati li mhumiex fuq il-massimu tal-iskala rispettiva tagħhom ikunu intitolati wkoll għall-increments.
Fuq kollox, ninnutaw li dan il-ftehim ġie ssiġġilat qabel id-data tal-iskadenza tal-ftehim attwali u għaldaqstant jassigura l-implimentazzjoni fid-data tas-seħħ. Apparti hekk, jikkumplimenta l-kundizzjonijiet tal-impjieg stabbiliti fi ftehimiet settorjali, jiġifieri għal kategoriji jew professjonijiet partikolari, tas-Servizz Pubbliku.
F’dan il-ftehim kollettiv rajna wkoll il-koperazzjoni bejn 10 unjins u l-Gvern. Ftehim li kien deskritt bħala wieħed tajjeb ħafna minn bosta msieħba soċjali nkluż il-General Workers’ Union li saħqet li dan se jkun qiegħed iħalli effett pożittiv dirett fuq il-ħaddiema taċ-ċivil.
Fl-istess waqt, dan il-ftehim qed iħares lil hinn mill-aspett finazjarju b’enfasi prattika fuq il-bilanċ tal-ħaddiema bejn ix-xogħol u l-ħajja personali, is-saħħa mentali u inizjattivi sostenibbli. Qed idaħħal ukoll kunċetti bħall-introduzzjoni tal-Long Service Bonus.
Iżda apparti l-għadd kbir ta’ benefiċċji li hemm inklużi fih, dan il-ftehim se jkun qiegħed jippremja l-bżulija. Fosthom bl-assigurazzjoni li impjegati koperti b’dan il-ftehim se jibbenefikaw minn allowance relatat ma’ kwalifika ta’ Masters ‘il fuq b’mod awtomatiku. Dawn il-miżuri huma intenzjonati biex jimmotivaw kif ukoll isaħħu t-taħriġ strutturat tal-impjegati tas-Servizz Pubbliku.
Għalhekk, ma nistgħux ma nilqgħux b’sodisfazzjon dan il-ftehim li qiegħed ikompli jtejjeb il-kundizzjonijiet tal-impjieg bil-għan li jiffaċilita servizz ta’ kwalità lejn iċ-ċittadin. Kif stqarr tajjeb il-Prim Ministru Robert Abela, is-Servizz Pubbliku jibqa’ mutur ekonomiku u soċjali u ċ-ċavetta biex jinkisbu aktar suċċessi fit-twettiq tal-ħidma tal-Gvern. Marbut ma’ dan kollu, is-Servizz Pubbliku għalhekk se jkun pedina importanti fit-twettiq tal-Viżjoni Malta 2050, fejn irridu naraw qabża fil-kwalità f’oqsma li huma kruċjali għal pajjiżna.