Iż-żieda kontinwa ta’ Malta fil-ġenerazzjoni tal-elettriku minn sorsi nodfa ta’ enerġija tikkonferma l-impenn tal-gvern li jkompli jappoġġa iżjed investimenti ħodor f’dan il-qasam biex niksbu l-miri tad-dekarbonizzazzjoni mill-aktar fis.
Fl-2022, Malta rreġistrat 221MW f’sistemi ta’ pannelli fotovoltajiċi mqabbda man-network tad-distribuzzjoni tal-elettriku nazzjonali, li flimkien qed jiġġeneraw elettriku għal 80,730 dar minn enerġija nadifa. Dan qed iwassal għal tnaqqis ta’ 134,700 tunellata ta’ tniġġis tad-diossidju tal-karbonju fl-arja. B’hekk, Malta rreġistrat żieda ta’ 8.3% f’sorsi ta’ enerġija rinnovabbli meta mqabbel mas-sena ta’ qabel. Madwar nofs din l-enerġija nadifa kienet iġġenerata mis-settur kummerċjali. Warajhom, b’ammonti simili, hemm is-sistemi tal-pannelli fi proprjetajiet residenzjali u pubbliċi.
Matul is-sena 2022, Malta rat ukoll l-installazzjoni ta’ solar water heaters f’525 dar. Dan ukoll qed iwassal għal tnaqqis kbir fil-konsum tal-elettriku meħtieġ biex jissaħħan l-ilma, b’appoġġ dirett mill-gvern ta’ €716,390. Ġew installati wkoll 99 heat pumps, b’sistemi li jsaħħnu u jkessħu b’effiċjenza filwaqt li jnaqqsu d-dipendenza fuq sorsi ta’ enerġija tradizzjonali. Dawn is-sistemi bbenefikaw minn €92,218 f’għajnuniet minn fondi pubbliċi. Fl-istess sena Malta rreġistrat ukoll rekord ta’ 516 applikazzjonijiet għall-installazzjoni ta’ sistemi ta’ batteriji għall-ħażna tal-elettriku minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli.
Il-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża Miriam Dalli laqgħet dan it-titjib inkoraġġanti, hekk kif il-gvern qed iniedi diversi ħidmiet fuq inizjattivi iżjed ambizzjużi sabiex ikompli jżid is-sehem tal-enerġija nadifa fit-taħlita ta’ sorsi ta’ enerġija elettrika tal-pajjiż. “Dawn iċ-ċifri qed jitħabbru fl-istess ġimgħa li l-Kummissjoni Ewropea kkonfermat pakkett ta’ għajnuna f’fondi tal-Unjoni Ewropea għat-twettiq tal-pjanijiet tal-enerġija nadifa ta’ Malta. Din l-aħbar issaħħaħ id-determinazzjoni tal-gvern li jkompli jiffaċilita iżjed investimenti ħodor f’Malta”, qalet il-Ministru Dalli.
Sal-aħħar tas-sena 2021, Malta kienet qed tipproduċi 12.15% tal-ħtiġijiet tal-enerġija tagħha minn sorsi rinnovabbli, li jfisser li diġà nqabżet il-mira ta’ 11.5% sal-2030, hekk kif stabbilit fil-Pjan Nazzjonali dwar l-Enerġija u l-Klima tal-pajjiż. “Il-gvern se jkompli jibni fuq dawn ir-riżultati b’inizjattivi ikbar, biex nipprovdu l-appoġġ tekniku u finanzjarju għal din it-tranżizzjoni lejn l-enerġija nadifa”, qalet il-Ministru Miriam Dalli.
“Hekk kif stqarrejna waqt il-laqgħa tal-ministri tal-enerġija tal-pajjiżi Med9, qed naħdmu biex nilħqu l-miri tal-enerġija tagħna bi pjan determinat, b’azzjonijiet fuq livelli differenti, bħat-tisħiħ tas-sistema nazzjonali tad-distribuzzjoni tal-elettriku sabiex tkun tista’ takkomoda iżjed sistemi ta’ enerġija rinnovabbli, skemi aktar b’saħħithom għal sistemi ta’ pannelli tax-xemx żgħar, medji u kbar għad-djar u n-negozji, kif ukoll interkonnessjonijiet tal-enerġija ġodda ma’ pajjiżi oħrajn u sistemi kbar ta’ batteriji għall-ħażna tal-enerġija biex inżidu l-flessibilità fis-sorsi ta’ enerġija waqt li negħlbu l-isfidi tal-intermittenza tas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli”, sostniet il-ministru.
Dan ix-xahar Malta rat żewġ żviluppi ewlenin f’din id-direzzjoni. L-ewwel waħda hija l-investiment ta’ €47 miljun għall-iżvilupp ta’ żewġ impjanti kbar tal-batteriji għall-ħażna tal-enerġija f’Delimara u fil-Marsa, u l-ftehim bejn Malta u l-Libja biex jiġi mistħarreġ il-potenzjal ta’ interkonnessjonijiet ġodda ta’ enerġija nadifa bejn iż-żewġ pajjiżi u l-kumplament tal-Ewropa.
Fl-istess waqt, Interconnect Malta qed tmexxi l-proċess ta’ ippjanar u permessi għal Interconnector 2, it-tieni cable taħt il-baħar tal-elettriku bejn Malta u l-Italja.