Sunday, December 22, 2024

AKTAR INVESTIMENT FL-INKLUŻJONI

Aqra wkoll

Gvern Laburista huwa kommess li jkompli jinvesti fl-inklużjoni u fir-riformi meħtieġa sabiex jgħin lil persuni b’diżabilità u lill-familji tagħhom. Turija ta’ dan huma l-miżuri mħabbra fil-budget li qed ikomplu jibnu fuq il-ħafna tajjeb li diġà sar f’dan il-qasam, li jwasslu biex il-livell tal-għajxien ta’ dawn il-persuni jogħla u b’hekk jaslu biex jgħixu ħajja indipendenti kif tassew jixirqilhom.

Proprju l-Budget għas-sena d-dieħla, se jkun l-akbar budget li qatt ingħata lis-settur tad-diżabilità. Fil-fatt, il-Ministeru għall-Inklużjoni, il-Volontarjat u d-Drittijiet tal-Konsumatur ġie allokat €63 miljun, li tfisser żieda ta’ €4.5 miljun fuq l-allokazzjoni għas-sena 2023. 

Waħda mill-miżuri ewlenin f’dan il-qasam – li se tkompli ssostni l-kunċett sabiex aktar persuni b’diżabilità jibqgħu jgħixu ħajja aħjar u aktar indipendenti f’darhom stess – hija dik tal-assistent personali. Dan is-servizz li nemmnu li huwa kruċjali u essenzjali għal dawn il-persuni, il-Gvern qiegħed jinvesti xejn inqas minn €5.2 miljun, miljun ewro aktar milli ġie investit matul din is-sena li waslet biex tintemm. 

Fost miżuri oħra li jissemmew fil-budget hemm li ż-żieda fil-Carers Grant għal dawk il-ġenituri li ma jaħdmux biex jieħdu ħsieb lil uliedhom minħabba diżabilità severa tagħhom. Hawnhekk l-għotja se tkun qiegħda tiżdied b’€487 fis-sena biex issa se tilħaq kważi l-€5,000. 

Min-naħa l-oħra, il-pensjoni tad-diżabilità se tiżdied b’€17.39 fil-ġimgħa filwaqt li se jkomplu jiġu megħjuna dawk il-ġenituri li wliedhom jattendu għal sessjonijiet ta’ terapija minħabba d-diżabilità tagħhom. Dan ifisser li ċ-ċifra ta’ €200 introdotta s-sena l-oħra issa tilħaq l-€500.

Miżura oħra f’dan il-qasam kienet tirrigwarda persuni b’kundizzjoni mentali severa. Wara li din is-sena ddaħħlet il-miżura biex jingħataw sentejn krediti ta’ bolol lil kull min ma jkunx jaħdem minħabba problemi ta’ saħħa mentali għal xi perjodu bejn l-età ta’ 18 u 30 sena, issa kien imiss li l-Gvern idaħħal miżura oħra. Din il-miżura ser tagħti l-opportunità lil persuni li jbatu minn xi kundizzjoni mentali severa li jikkwalifikaw għal pensjoni tal-invalidità jekk l-applikant ikollu mill-anqas 50 kontribuzzjoni tas-sigurtà soċjali tul ħajtu.

Nemmnu għalhekk li dawn il-miżuri, flimkien ma’ inizjattivi oħra li qegħdin jittieħdu f’dan il-qasam, huma importanti ħafna fl-iżvilupp ta’ dawn l-individwi, sabiex wara kollox ikunu jistgħu jemmnu aktar fihom infushom u fl-abbilitajiet li għandhom. Min-naħa l-oħra, nemmnu li l-Gvern għandu jibqa’ jkun viġilanti kontra kull abbuż, fl-istess waqt li jkompli jgħin lil min huwa ġenwin u jistħoqqlu li jingħata l-għajnuna. 

Ekonomija

Sport