Minn Cristian Muscat
Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn l-atletika?
Onestament, qatt ma kelli ħsieb jew il-pjan li xi darba nibda dan il-vjaġġ fl-atletika. Filwaqt li minn dejjem kont ninteressa ruħi fl-isport, u ppratikkajt dixxiplini varji meta kont iżgħar, qatt ma nista’ ngħid li ħarist lejn l-atletika bħala sport biex nipprattika. Dan sakemm wara li ma kontx qed insib ħin biżżejjed biex nibqa’ nattendi l-gym, kien il-pass li għamilt fejn bdejt noħroġ ġirja żgħira mal-blokk tad-dar sabiex inzom ftit fit. Minn dawra mal-blokk bdejt bilmod inżid id-distanza u l-ħin sakemm iltqajt ma’ ħabib tiegħi, Adrian li nsellimlu minn hawn, li kien diġá beda jipparteċipa f’xi tlielaq hu stess, li ħajjarni ninkiteb għall-ewwel tellieqa fit-triq. Dan kien fl-2012 u t-tellieqa kienet Mdina – Spinola. Kienet l-ewwel darba fit-tellieqa stess li ġrejt id-distanza ta’ 17-il kilometru. Minn hemm imbagħad bdejt nidħol aktar fiha l-ħaġa u ‘l quddiem mas-snin spiċċajt nittrenja anke ma’ kowċ u dħalt ma’ klabbs varji tul is-snin. Illum, kważi 13-il sena wara, għall-grazzja t’Alla għadni għaddej.
X’suċċessi maġġuri ksibt fil-karriera tiegħek sa issa?
Jien inqis ruħi bhala amateur runner u għalhekk is-suċċessi tiegħi huma suċċessi personali tiegħi u għalija. Filwaqt li kelli xi ftit unuri li rbaħt fil-kategorija tiegħi f’xi tlielaq tat-triq, u kull tellieqa li nispiċċa għalija hi suċċess, l-akbar suċċessi għalija huma l-erba’ maratoni barra min Malta li għamilt. Dawn kienu f’Milan, Rotterdam, Ruma u Pariġi. Dawn apparti ħafna nofs maratoni li kelli Malta kif ukoll barra minn xtutna u tlielaq ta’ 10km u 5km li għamilt tul is-snin. Imma l-maratona tibqa’ highlight ta’ kollha.
L-aħjar ħinijiet li kelli f’kull distanza kienu:
3:04:03hrs għall-Maratona f’Ruma 2022
1:25:15hrs għan-Nofs Maratona ta’ Malta din is-sena
37:47min għal 10km fl-2022
17:52min għal 5km fl-2023
L-aktar distanza twila li għamilt sa issa kienet Ultra Trail fuq distanza ta’ ‘l fuq minn 50km mad-dawra ta’ Għawdex. Din għamiltha f’5:49hrs fl-2022. Din is-sena qed nittama li nerġa’ nagħmilha.
Kif tqis il-livell tal-atletika f’pajjiżna fil-preżent?
Filwaqt li naħseb li fuq skala nazzjonali ħafna mir-records għadhom antiki u/jew bdew jinkisru riċentement, għalhekk wieħed jista’ jasal jgħid li ftit sar progress, fl-istess waqt nistgħu ngħidu li ħafna mill-atleti llum żiedu fit-taħriġ tagħhom u kulħadd sar jeħodha ħafna aktar bis-serjetá. Dan anke tara mill-ħinijiet li ħafna aktar nies saru jiksbu. Illum hawn ħafna jittrenjaw flimkien, għalhekk wieħed jixpruna u jinkoraġġixxi aktar lil xulxin u b’hekk kulħadd igawdi u jiggwadanja minn dan l-aspett u l- livell awtomatikament jogħla.
U dak tar-riżorsi fejn titħarrġu u jkollkom il-kompetizzjonijiet tagħkom?
Ir-riżorsi fil-pajjiż huma li huma. Biss biss naraw it-trakka tal-ġiri tal-Marsa kif tkun kultant mimlija nies jittrenjaw fl-istess ħin. Dan għaliex ma tantx hawn ħafna fejn tagħżel fejn tmur tittrenja. Għandek 2 – 3 trakki tal-ġiri f’Malta tista’ tgħid. Jien personali lanqas nużahom għax nagħmel kollox fit-triq kemm jista’ jkun. Jekk nieħdu minn Għawdex, li ninzerta nkun hemm spiss, sal-lum fl-2025 din il-gżira għad m’għandhiex trakka tal-ġiri u pixxina. Qed isiru bħalissa imma għadhom mhux lesti. Għalhekk meta ninzerta Għawdex, bħal ħafna atleti oħra, meta jkolna xi speed session kif ngħidu, irridu ninżlu t-trakka taż-żwiemel nittrenjaw. Din tgħid ħafna fuq ir-riżorsi tal-pajjiż fl-isport. Sfortunatament fejn jidħol l- isport fil-pajjiż, isir ħafna tpaċpiċ u kliem sabiħ imma mbagħad jew ma jsir xejn, jew ftit u li jdum ħafna biex isir. Sar progress ukoll biex ngħidu kollox, imma bilmod u ftit wisq fl-opinjoni tiegħi. Jien fil- maġġoranza meta nikkompeti, nikkompeti fit-triq u mhux fit-trakka. Anke hawn sfortunatament tkun diffiċli li min qed jorganizza tellieqa jagħlaq it-toroq sabiex inkunu nistgħu niġru aktar f’post sigur. Anke taqra l-kummenti minn nies inġenerali fuq il-media soċjali meta tkun se tingħalaq xi triq għal xi tellieqa, turik x’mentalitá għandu dal-pajjiz lejn l-isport. Qisha ħa taqa’ d-dinja għax se jingħalqu żewġ toroq fis-7:00am il-Ħadd. Din hi sfortuna u ma tawgurax tajjeb għall-ġenerazzjonijiet li ġejjin.
Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fl-atletika?
Kultant ngħid nagħmel din u daqshekk, imma xi ħaġa minn ġewwa iġġiegħlni nkompli. Mhux faċli li wieħed jittrenja u jsib il-ħin u l-bilanċ bejn ix-xogħol, familja, involviment f’għaqdiet volontarji eċċ u ssib ħin għat-taħriġ ukoll. Biss sakem il-Bambin jagħtini s-saħħa u nibqa’ nsib ftit ċans, ħa nibqa’ nipprova nibqa’ għaddej bit-taħriġ u l-kompetizzjonijiet fit-triq. Issa li qed immiss ċerta etá wkoll wasal iż-żmien li nħares aktar lejn kompetizzjonijiet ta’ endurance aktar milli speed, sabiex anke nipprevjeni kemm jista’ jkun injuries. Il-pjan hu li s-sena d-dieħla nagħmel il-Maratona ta’ Malta li għadni m’ għamiltx u bix-xieraq ngħid għamiltha darba wara li għamilt barra minn xtutna. Xi oħra barra minn Malta għadha fil-pjan tiegħi. Ix-xewqa tibqa’ ta’ Londra, imma diffiċli tidħol għaliha sakem ma tidħolx għal xi skema ta’ benefiċenza. Jien għal ta’ Londra nibqa’ nipprova imbagħad naraw naslux nagħmluha xi darba. Li hu żgur hu li s-sodisfazzjon li tagħtik Maratona ma tagħihulek ebda tellieqa oħra fl-opinjoni tiegħi, u meta tagħmel waħda tkun trid tagħmel oħra, bit-tbatija u s-sagrifiċċji li trid tagħmel biex tasal għaliha, kollha tagħha. U maratona qed nitkellmu dejjem 42.195kilometru. Ma jeżistux maratoni ta’ ħames kilometri, bħalma ġieli nisimgħu!
Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fl-atletika.
Il-messaġġ tiegħi, aktar milli biex jagħmlu karriera ta’ suċċess fl-atletika, hu li importanti ħafna li wieħed jagħmel eżerċizzju fiżiku. Faċli wieħed jgħid m’għandix ċans u daqshekk. Iċ-ċans trid tfittxu u ssibu. Tqumx kmieni filgħodu, jew toħroġ tard bil-lejl, persważ li min vera jrid il-ħin isibu. Is-suċċess ta’ dak li jkun hu li minn xejn tkun ġrejt 5km, imbagħad 10km sakemm tasal għan-Nofs Maratona u aktar. U anke jekk ma tasalx għan-Nofs Maratona, li min bilqiegħda wasalt tagħmel u żżomm 5km kull darba li toħroġ ikun suċċess għalik. Anke 30 minuta eżerċizzju kuljum hu suċċess. Aktar ma wieħed jikber aktar wieħed irid jieħu ħsieb saħħtu, għalhekk kull forma ta’ eżerċizzju hu tajjeb u wieħed / waħdaa għandu/ha jara liema jippreferi u tajjeb għalih. Atletika, Gym, Classes, Għawm … l-aqwa li wieħed/waħda jiċċaqlaq u jagħmel xi ħaġa għal saħħtu.
Nixtieq pubblikament la ġie ċ-ċans nirringrazzja lill-familja tiegħi. Il-mara u t-tifla tas-sapport u l- paċenzja li jieħdu biex inkun nista’ nipprattika u nitħarreg dan l-isport. Lill-kowċis li kelli u għad għandi li jaf/u min huma, fiżjo-terapisti u masseur li nsibhom meta jkolli bżonn, għax il-ġisem trid tieħu ħsiebu. Il-ħbieb atleti bħali li niltaqgħu għal xi ġirja flimkien speċjalment fi tmiem il-ġimgħa.
Is-sapport tal-familja u l-ħbieb hu importanti ħafna f’dan l-isport għax trid mingħand ħafna nies biex tkompli fil-mixja tiegħek u tirnexxi f’dak li trid.
Grazzi lilek ukoll talli tagħti dawn l-opportunitajiet lil sportivi fuq skala amatorjali wkoll, u nittamaw li dawn l-intervisti magħna jservu biex iħajru nies li llum forsi mhux jagħmlu eżerċizzju biex jibdew xi ħaġa bilmod.