Għal edizzjoni tal-Gozo Food Festival li se jsir fi tmiem din il-ġimgħa fix-Xewkija Għawdex se jkunu offruti aktar minn 100 platt tal-ikel differenti minn madwar id-dinja. Ser ikun hemm ukoll żona speċjali ddedikata għat-tfal b’ikel addattat u varjetà ta’ logħob u attrazzjonijiet.
Dan il-festival tal-ikel se jikkonsisti f’żewġ iljieli ta’ ċelebrazzjoni kulinari minn madwar id-dinja fejn wieħed jista’ jesperjenza t-tjubija tal-ikel Ażjatiku, il-kwalità tal-ikel Mediterranju, l-aqwa platti Ewropej u l-awtentiċità tal-ikel Għawdxi. Fil-fatt, madwar 20 eżibitur ser ikunu qegħdin joffru l-aqwa ikel minn bosta pajjiżi minn madwar id-dinja. Okkażjoni ideali sabiex wieħed jiċċelebra s-sajf Malti fil-gżira Għawdxija.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet il-Ministru Clint Camilleri qal li dan huwa street festival tal-ikel b’enfasi fuq l-inklużjoni għaliex f’post wieħed se jintlaqtu l-gosti ta’ kulħadd. “Huwa avveniment ieħor mistenni minn bosta, li sena wara oħra jkompli jattira lejh attendenza numeruża, f’lejl sajfi u f’ambjent mill-isbaħ,” qal il-Ministru Camilleri.
“Inħeġġeġ lil kulħadd biex jattendu għal dan il-festival f’Għawdex fejn wieħed isib ikel varjat minn madwar id-dinja. Dan il-festival, flimkien ma’ bosta attivitajiet oħra li jiġu organizzati, għandhom is-sostenn tal-Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar għax nemmnu li dawn huma inizjattivi li joffru valur għal min jagħżel li jżur lil Għawdex u huma parti integrali mill-kultura vibranti tagħna,” temm jgħid il-Ministru Camilleri.
Min-naħa tagħha s-Sindku l-ġdid tax-Xewkija Simona Refalo qalet li l-Kunsill Lokali hu impenjat biex dawn l-attivitajiet ikomplu jissaħħu filwaqt li stiednet lill-pubbliku biex jattendi.
Id-dħul għall-festival huwa b’xejn. Il-Malta Public Transport se tkun qed topera shuttle service mill-Imġarr Ferry Terminal għall-Pjazza tax-Xewkija.
Għal aktar informazzjoni wieħed jista’ jżur https://www.maltainternationalfoodfestival.com/gozo-edition