Sunday, December 22, 2024

Aktar minn 169,000 waslu Malta bil-cruise liners fir-raba’ kwart tal-2023

Aqra wkoll

Fir-raba’ kwart tas-sena li għaddiet, it-total ta’ passiġġieri li waslu Malta bil-cruise liners kienu jammontaw għal 169,036, li jfisser żieda ta’ 63.2% meta mqabbel mal-istess perjodu tas-sena ta’ qabel.

Statistika maħruġa mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO) turi li bejn Ottubru u Diċembru 2023 daħlu f’Malta 82 cruise liner, żieda ta’ 21 cruise liner meta mqabbel mal-istess perjodu tas-sena li għaddiet. 

Il-passiġġieri li għaddew minn Malta sabiex komplew il-vjaġġ tagħhom lejn xi mkien ieħor kienu jammontaw għal 162,230, jew 96 fil-mija tat-total. Bħala medja, kull bastiment li kien sorġut f’Malta ġarr 2,061 passiġġier, 364 aktar mis-sena ta’ qabel.

Is-swieq ewlenin kienu l-Italja, li jammontaw għal 19.7% tat-total tal-passiġġiera, segwita mill-Ġermanja b’9.9%. L-għadd ta’ passiġġieri ġejjin minn pajjiżi mhux tal-UE laħħqu l-81,486, li minnhom 20.7 fil-mija kienu ġejjin mir-Renju Unit u 40.4 fil-mija kienu ġejjin mill-Istati Uniti.

Il-passiġġieri nisa laħqu t-53.6 fil-mija tat-total. L-akbar ammont taʼ passiġġieri kellhom bejn is-60 u d-79 sena (35.4%) segwiti minn dawk fl-età ta’ bejn l-40 u d-59 sena (33.5%).

L-istatistika turi wkoll kif matul is-sena li għaddiet, waslu Malta total ta’ 814,603 passiġġier bil-cruise lineres. Minn dawn 56.7% kienu ġejjin minn stati membri tal-Unjoni Ewropea. 

Ekonomija

Sport