Saturday, May 18, 2024

Pembroke A. jiffirmaw ftehim ma’ kumpanija tat-trasport

Aqra wkoll

Attrans LIMITED, kumpanija ewlenija tat-trasport internazzjonali li hija bbażata f’Malta u PEMBROKE ATHLETA ATHLETICS & TRIATHLON CLUB (P.A.A.T.)  illum iffirmaw ftehim li permezz tiegħu qed jestendu l-kollaborazzjoni ta’ bejniethom li ilha għaddejja għal diversi snin, bi tlett snin oħra sa l-aħħar tal-2026.

Din il-kollaborazzjoni issa ser tkun ilha għaddejja għal aktar minn għaxar snin fejn is-sostenn finanzjarju mogħti matul is-snin mil-kumpanija tat-trasport għen mhux ftit lil-ikbar klabb tal-atletika lokali biex isaħħaħ il-pożizzjoni tiegħu u jimplimenta programm ta’ żvilupp sportiv, liema programm issa daħal fis-sitt sena tiegħu  u li ta kontibut sinjifikanti sabiex ikompli jiżviluppa l-kapċitajiet  tal-atleti membri tal-klabb ta’ Pembroke.

Min-naħa l-oħra l-fatt li P.A.A.T.  ilhom mis-sena 2018 jiffurmaw parti mil-European Atheltics Promotion (EAP) Circuit, din il-kollaborazzjoni sservi biex tagħti opportunitajiet  ta’ għarfien lil  Attrans International Group, mhux biss fis-suq lokali iżda wkoll f’dak internazzjonali permezz tal-parteċipazzjoni tal-atleti tal-klabb f’kompetizzjonijiet madwar dan iċ-ċirkwit Ewropew, imma wkoll permezz tal-unika kompetizzjoni internazzjonali tat-Track & Field li ssir kull sena ġewwa pajjiżna u li għaliha l-parteċipazzjoni ta’ atleti barranin qed dejjem tiżdied.

Meta  ndirizza lill-Media, il-President is-Sur. Victor Camilleri  qal li “Il-klabb qed  ikompli jikber u jisfrutta opportunitajiet li jikkontribwixxu sabiex jgħollu l-livell kemm tal-operat tal-Klabb  kif ukoll tal-kapaċitajiet tekniċi tal-atleti tagħna. Għaldaqstant dan it-tip ta’  sostenn huwa prezzjuż għalina”.

“L-estensjoni ta’ dan il-ftehim ser ikollu rwol kruċjali ta’ appoġġ lil-atleti tagħna hekk kif ikunu qed jippreparaw għas-sehem tagħhom f’kompetizzjonijiet internazzjonali. Napprezzaw immens il-fatt li ATTRANS jifhmu il-ħtieġa ta’ dedikazzjoni kbira u x-xogħol iebes meħtiega mill-atleti sabiex ikunu denji li jirrappreżentaw lil pajjiżna fix-xena nternazzjonali, li minn dawn il-klabb ta’ Pembroke għandu bosta, u dan il-ftehim ser jgħin fil-preparazzjoni tagħhom”.

“Il-klabb iħares il-quddiem lejn tlett snin oħra ta’ kollaborazzjoni u l-opportunitajiet li dan iġib miegħu sabiex l-atleti jilħqu miri ġodda fl-esperjenza sportiva tagħhom”.

Min-naħa tiegħu is-Sur Kevin Filletti, Sales & Business Development Manager ta’ ATTRANS Ltd., qal “Il-fatt  li qegħdin inġeddu dan l-inpenn min-naħa tagħna jirrifletti kemm il-kumpanija hija kommessa li tgħin lill-komnuta’ lokali billi tippromovi attivita’ fiżika għal ħajja aħjar u billi turi r-rispett lejn l-atleti għas-sagrifiċċji tagħhom”.

“Attrans kuntenti ħafna li ser inġeddu l-ftehim ma’ P.A.A.T. għal 3 snins oħra. Aħna nemmnu bis-sħiħ fil-potenzjal li joffri l-isport u kommessi sabiex nappoġġjaw inizzjattivi li jippromovu s-saħħa tal-bniedem, kif ukoll inizzjattivi oħra li jipprovdu l-mezzi biex atleti stabbiliti jkomplu jiżviluppaw  it-talenti tagħhom”.

“Wieħed mil-objettivi ewlenin ta’ dan l-Spoonsorship huwa li jipprovdi appoġġ kontinwu lil-atleti ta’ kull eta’. Attrans tagħraf l-importanza li l-potenzjal fl-atleti jibda jitrawwem minn kmieni, u hija kommessa li tkompli tgħin biex jinħolqu opportunitajiet biex atleti jeċċellaw. B’wiċċna minn quddiem ngħidu li f’Pembroke Athleta nsibu l-ambjent idejali”.

Wara li ġie ffirmat il-ftehim ġew ukoll svelati d-disinji proposti għal Logo ġdid u l-abbiljament sportiv għas-snin 2024 sa 2026.

Sport