Saturday, May 4, 2024

Inawgurata żona għall-Meet and Greet fiċ-Ċentru ta’ Riċerka u Innovazzjoni tal-Agrikoltura fl-Għammieri

Aqra wkoll

Ġiet inawgurata żona għall-Meet and Greet fl-entratura rinovata taċ-Ċentru ta’ Riċerka u Innovazzjoni tal-Agrikoltura fl-Għammieri, b’investiment totali ta’ €650,000. L-inawgurazzjoni saret mill-Ministru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali Anton Refalo u s-Segretarju Parlamentari għas-Sajd, l-Akwakultura u d-Drittijiet tal-Annimali Alicia Bugeja Said.

Dan il-proġett, li kien jinkludi l-bini mill-ġdid tal-istruttura eżistenti fejn ġiet attrezzata b’tagħmir neċessarju u ġiet installata wkoll sistema aġġornata ta’ sigurtà, huwa parti minn ħidma ta’ riġenerazzjoni totali li qegħda ssir f’dan iċ-Ċentru. Dan jinkludi entratura ġdida, bini ta’ ħajt madwar iċ-Ċentru kollu u xogħol fuq il-parkeġġ estern, b’investiment totali ta’ aktar minn €1.3 miljun.

Iż-żona tal-Meet and Greet se tkun l-ewwel punt ta’ kuntatt għal kull min jirrikjedi servizzi offruti f’dan is-settur. Għaldaqstant se jkun hemm preżenti numru ta’ rappreżentanti minn entitajiet u dipartimenti li jinsabu f’dan iċ-Ċentru, bħall-Aġenzija għall-Pagamenti Agirkoli u Rurali (ARPA), id-Dipartiment għall-Affarijiet Rurali, il-Kummissjoni għas-Sigurtà tal-Ikel, id-Direttorat għall-Ħarsien tal-Annimali, u id-Dipartiment tas-Sajd u l-Akwakultura.

Fid-diskors tiegħu, il-Ministru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali Anton Refalo qal “Kien ilu jinħass il-bżonn li jkun hemm punt ta’ referenza fejn persuna li għandha bżonn servizzi relatati ma’ dan is-settur tkun taf fejn għandha tmur. Huwa propju għalhekk li qegħdin ninawguraw din il-binja hekk importanti. Din il-binja issa ser isservi bħala post ċentrali, fejn is-servizzi kollha li jiġu offruti mill-Għammieri issa ser ikunu qegħdin jiġu offruti minn din il-binja ġdida u moderna.”

Min-naħa tagħha, is-Segretarju Parlamentari għas-Sajd, l-Akwakultura u d-Drittijiet tal-Annimali Alicia Bugeja Said saħqet kif dan il-proġett huwa parti minn numru ta’ investimenti infrastrutturali u teknoloġiċi li qiegħed jagħmel il-Gvern, biex ikompli jissimplifika l-mod li l-viżitaturi, fosthom sajjieda u bdiewa, ikunu jistgħu jitolbu u jagħmlu xi użu mis-servizz pubbliku.

Is-Segretarju Parlamentari spjegat li wara li tħabbar l-investiment ta’ €1 miljun f’sistema teknoloġika ġdida, fejn kull sajjied ġie pprovdut b’Tablet, baqgħet għaddejja ħidma fuq proġetti biex ikomplu jqarrbu s-servizz pubbliku maċ-ċittadin. Qalet li grazzi għal dan il-punt ta’ riferiment ewlieni, kull min jirrikjedi li jżur dan iċ-Ċentru ser ikun jista’ jiġi moqdi b’mod effettiv u immedjat minn post wieħed.

“Irridu nkomplu nipprovdu s-serħan ta’ moħħ lill-produtturi kollha involuti f’dan is-settur, u dan nistgħu nagħmluh billi nibqgħu effettivi u effikaċi fil-ħidma ta’ dawn id-dipartimenti. B’hekk, inkomplu nappoġġjaw il-ħidma kollha li qegħda issir mis-sajjieda, bdiewa u produtturi lokali,” temmet tgħid is-Segretarju Parlamentari Bugeja Said.

Sport