Friday, May 17, 2024

Aktar minn 200,000 persuna jsiefru fir-raba’ kwart tal-2023

Aqra wkoll

Aktar minn 200,000 persuna residenti f’Malta siefru fir-raba’ kwart tas-sena li għaddiet. Dan ħareġ minn rapport li ġie ppubblikat mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO) fejn ġie rraportat li fir-raba’ kwart tal-2023 kien hemm 218,288 persuna residenti f’Malta li ħarġu ‘l barra mill-pajjiż. Dan ifisser żieda ta’ 21.1% fuq l-istess perjodu tas-sena ta’ qabel.

L-NSO tgħid ukoll li l-iljieli kollha mqattgħin barra mill-pajjiż laħqu l-1,494,943.

Ir-rapport jgħid li bejn Ottubru u Diċembru tas-sena li għaddiet saru bʼkollox 140,554 safra ʼl barra mill-pajjiż għal btala; warajhom kien hemm 51,528 safra li saru għal żjarat lill-ħbieb u l-qraba. Il-biċċa l-kbira taʼ dawn it-turisti kellhom bejn il-25 u l-44 sena (48.4%), segwiti minn dawk fil-kategorija taʼ bejn il-45 u l-64 sena (28.6%).

Kemm it-turisti li siefru biex imorru fʼpajjiżi tal-Unjoni Ewropea kif ukoll it-turisti l-oħra li telqu biex imorru fʼpajjiżi oħra żdiedu bi 19.3% u bʼ26.6%, rispettivament. L-Italja baqgħet il-pajjiż fejn l-aktar li jmorru n-nies minn Malta, bʼpersentaġġ taʼ 33.3% tas-safar kollu.

L-iljieli kollha mqattgħin mit-turisti li siefru żdiedu bi 23.1% sabiex kważi laħqu il-1.5 miljun lejl. L-akbar għadd taʼ dawn l-iljieli (54.6%) kienu mqattgħin fʼakkomodazzjonijiet mikrija.

Sena għal sena, bejn Ottubru u Diċembru, l-infiq kollu mit-turisti li ħarġu ʼl barra mill-pajjiż żdied bi 23.6% u laħaq il-€196.2 miljun, li jiġi daqs medja taʼ €899 kull persuna.

Sport