Monday, April 29, 2024

“Qegħdin b’mannara fuq rasna li nispiċċaw bla saqaf”

Familji li qed jgħixu f’tensjoni kontinwa

Victor Vella
Victor Vella
Ġurnalist

Aqra wkoll

“Seba’ snin f’tensjoni kontinwa. Daqshekk ilna ngħixu f’dan l-infern li beda meta b’Digriet maħruġ mill-Kurja Maltija, l-Arċisqof Charles Scicluna għoġbu jaħtar lill-avukat Patrick Valentino bħala Rettur tal-Fondazzjoni ta’ Sant’Antonio delli Navarra. Norqdu u nqumu ma nafux hux se jkollna saqaf fuq rasna. Il-ħsieb biss li dak li ilek tgħix fih u dak li għamilt kollox biex ikun tiegħek bid-dritt, jispiċċa jittieħed mingħandek ħabta u sabta ma tħallikx kwiet u trankwill.

Qegħdin b’mannara fuq rasna. It-triq hija twila imma se nibqgħu niġġieldu. Nistgħu nispiċċaw barra fit-triq u bla saqaf. Qegħdin madwar 14-il familja fil-Qala u għexieren ta’ familji oħrajn fin-Nadur. Il-każ tagħna qiegħed jintuża bħala ‘test’. Jekk il-qrati jiddeċiedu li aħna nispiċċaw barra fit-triq, jidher li l-avukati li hemm wara din il-Fondazzjoni determinati li jgħaddu lill-familji l-oħra fil-Qala u fin-Nadur mill-istess martirju”.

Dan iddikjarah ma’ IT-TORĊA, Gordon Mifsud, missier, li bħalissa hu u familtu flimkien ma’ familji oħra mill-Qala għaddejjin f’battalja legali dwar ir-residenzi tagħhom, u dan wara li kienu rċevew ittra f’Lulju tal-2017 mill-ex magistrat Dennis Montebello f’isem l-avukat Patrick Valentino biex iċedu kollox u jiżgumbraw minn djarhom minħabba kwistjoni fuq l-artijiet. Jispjega li “iż-żona inkwistjoni fil-Qala ilha għal ħafna snin tgħaddi minn ġenerazzjoni għal oħra.

Il-kwistjoni tmur lura għall-bidu tad-dsatax-il seklu. Iċ-ċens kien tal-Abbazija ta’ Sant’Antonio delli Navarra li kienet imwaqqfa għal opri piji u reliġjużi minn Cosmana Cumbo Navarra fl-1675, aktar minn 100 sena qabel ġie Napuljun f’Malta. Fl-1990, għalaq iċ-ċens li kien ta’ 99 sena. Kien jgħajjat liz-ziju ta’ omm il-mara tiegħi. Kien hawn nies oħrajn b’artijiet u bil-kundizzjonijiet simili. Ġara li snin qabel ma għalaq dan iċ-ċens, iċ-ċenswalisti kellhom kuntatt ma’ avukati u l-parir li ngħataw kien li abbażi tal-liġi tal-Ordinanza li Tneħħi l-Kontroll tad-Djar tal-1979 huma kienu jissodisfaw il-kriterji ta’ l-istess liġi u setgħu jikkonvertu ċ-ċens għal wieħed perpetwu u jifduh. Midħla ta’ din il-liġi hemm l-avukat u l-eks ministru Joe Brincat. Dawn il-persuni imxew fuq il-pariri tal-avukati u ikkonvertew iċ-ċens għal wieħed perpetwu u fdewħ permezz ta’ ċedola ta’ fidi kif titlob il-liġi. Il-qassis Saverin Bianco li kien ir-Rettur ta’ din l-Abbazija laħaq miet fl-1989. Il-Kurja ma ħatret lil ħadd bħala rettur biex jieħu post il-qassis Bianco. Fin-nuqqas ta’ rettur, u l-ħafna inċertezzi li kien hemm ta’ min kien jippossedi u jamministra din l-Abbazija, iċ-ċedola intefgħet f’isem Alexander Tabone li għal snin sħaħ kien jiġbor il-ħlasijiet taċ-ċnus għan-nom tal-Abbazija”.

Ikompli jgħid li “din l-istorja kellha l-bidu tagħha kmieni fid-disgħajnijiet meta ċertu Richard Stagno Navarra li kien jippretendi li huwa l-uniku dixxendent tan-Nobbli Cosmana Navarra talab lill-Arċisqof ta’ dak iż-żmien, Mons. Ġużeppi Mercieca, sabiex jaħtru bħala rettur ta’ din l-Abbazija. L-Arċisqof Mercieca ċaħad it-talba tiegħu. Fis-26 ta’ Marzu 1992, Richard Stagno Navarra, permezz tal-avukat Carmelo Galea, fetaħ kawża fil-Qorti ta’ Għawdex sabiex jitlob li jkun rikonoxxut bħala l-pussessur. L-għada, fis-27 ta’ Marzu, il-Qorti ippreseduta mill-maġistrat Carol Peralta laqgħet it-talba ta’ Stagno Navarra u minkejja li lanqas semgħet x’kellu xi jgħid l-Arċisqof fuq dan il-każ, iddeċidiet li t-talba hija ġustifikata. L-Arċisqof Mercieca mal-ewwel fetaħ kawża fil-Qorti sabiex jattakka din id-deċiżjoni tal-magistrat Peralta. Sadanittant Richard Stagno Navarra kien diġa daħal għal diversi ftehim, fosthom konvenju mal-kumpanija Berrachimp Properties Limited li d-diretturi tagħha kienu Joseph Vella, l-avukat Carmelo Galea (li dak iż-żmien kien l-avukat tal-Kurja ta’ Għawdex) u Carrac Ltd kumpanija tal-maġistrat Dennis Montebello, sabiex medda kbira ta’ art fil-Qala tingħatalhom b’ċens għal Lm150 fis-sena. Il-gazzetta ta’ dak iż-żmien “L-Alternattiva” fil-ħarġa tagħha Nru. 61 tal-14 ta’ Awwissu 1992 kienet ippubblikat artiklu bl-isem ‘Balbuljata fil-Qala….’ bid-dettalji ta’ din l-istorja.”

“Sussegwentament dan il-każ kien tela quddiem il-Kummissjoni ta’ kontra l-Korruzzjoni li minkejja ma sabitx ħtija ta’ korruzzjoni tal-maġistrati (rapport Times of Malta, 15 ta’ Ottubru 1994) kellha kliem qiebes ferm lejn l-avukat Carmelo Galea fejn qalet li hu kien il-protagonist ta’ din l-affari kollha u qalet ukoll li ċertu xhieda tiegħu ma kienet xejn konvinċenti. Fil-fatt Dr Galea ddikjara quddiem il-Kummissjoni ta’ kontra l-Korruzzjoni li l-kumpanija Berrachimp Properties
Ltd kienet imwaqqfa bil-ħsieb li t-tfal tal-maġistrat Dennis Montebello jidħlu fin-negozju tal-catering. S’intendi l-Kummissjoni ma emnitiex din l-iskuża u qalet li Berrachimp Properties Ltd b’isimha stess juri li huwa għan negozju tal-Propjeta’. Fil-fatt anke l-Memorandum & Articles tal-kumpanija jgħidu li l-kumpanija kienet imwaqqfa għax-xiri, bejgħ u żvillup tal-propjeta’. Fir-rigward tal-maġistrat Montebello il-Kummisjoni qalet li maġistrat ma għandu jkollu l-ebda xogħol ieħor ħlief li jkun fl-awla”.

Mifsud żied jgħid “li din il-kawza tal-Arċisqof f’isem il-Knisja kellha t-tmiem tagħha fil-Qorti tal-Appell meta fis-seduta tad-29 ta’ Novembru, 2013 iddeċidiet li l-Arċisqof Mercieca kellu dritt li jirrifjuta t-talba ta’ Richard Stagna Navarra biex jinħatar bħala rettur tal-Abbazija kif ukoll ħassret d-dikriet mogħti mill-Qorti tal-Maġistrati (Għawdex), Ġurisdizzjoni Volontarja, fis-27 ta’ Marzu 1992.”

“Irrid ngħid li min meta ntefgħet iċ-ċedola ta’ fidi f’April tal-1992 – li l-Kurja ma aċċettatx – qatt ma smajna xejn, la minn naħa tal-Kurja u lanqas minn ta’ Stagno Navarra. Billi din il-parti tal-Qala hu obbligatorju li art tiġi rreġistrata mar-Reġistru tal-Artijiet, aħna hekk għamilna u ebda ħadd ma għamel oġġezzjoni u allura għandna preskrizzjoni ta’ 10 snin fuq din ir-reġistrazzjoni u għalhekk Titolu Garantit.”

Bħal sajjetta fil-bnazzi nirċievu għal żgumbrament

Jenfasizza li “f’Lulju tas-sena 2017, bħal sajjetta fil-bnazzi, irċevejna ittra mill-eks Maġistrat Montebello fejn infurmana, li b’digriet tal-20 ta’ Frar 2017, l-Arċisqof Charles Scicluna għoġbu jaħatar lill-avukat Patrick Valentino bħala r-Rettur tal-Fondazzjoni. Fl-ittra talabna li nitilqu kollox u niżgumbraw minn darna. Din l-ittra ħolqot paniku għax ma konna smajna xejn qabel f’dan ir-rigward. Sibna avukat u rrispondejna. Il-parir li ngħatajna kien li aħna dejjem aġixxejna skont il-liġijiet ta’ Malta u għandna titolu garantit fuq din l-art allura dak li qed jitlob f’din l-ittra l-ex maġistrat ma jistax isir. Iddeċidejt li nipprova nkellem lill-Arċisqof Scicluna fuq din il-kwistjoni. Wara ħafna tentattivi rnexxieli nagħmel appuntament sabiex niltaqa’ miegħu. Morna jien, il-mara u ż-żewġt itfal tagħna u ltqajna fl-uffiċju tiegħu fil-Kurja, il-Furjana. Wara li wrejnieh l-ittra ta’ żgumbrament li ntbgħatitilna f’isem l-Abbazija qalilna li hu (iI-Kurja) ma għadux responsabbli. Staqsiena għaliex ma morniex il-Kurja t’Għawdex biex nilmentaw. Wara li għidnilu li fuq id-Digriet tal-ħatra tar-rettur tal-Abbazia jidher ismu, l-affari bdiet tisħon. M’inhix se ngħid x’intqal fil-laqgħa li kellna, imma żgur li ma sibniex il-mogħdrija u l-għajnuna li stennejna. Kellna esperjenza qarsa f’dik il-laqgħa u ħriġna diżappuntati ferm.”

Il-Fondazzjoni fetħet kawża kontrina

Ikompli jgħidilna li “l-pass li segwa kien dak li l-Fondazzjoni, li kienet qed titmexxa mill-avukat Patrick Valentino fetħet kawża ta’ żgombru kontrina permezz tal-avukat Carmelo Galea. Aħna bdejna nagħmlu r-riċerki tagħna. Rajna li fis-seduta tad-29 ta’ Novembru 2013 il-Qorti tal-Appell ma daħlet fl-ebda kwistjoni ta’ pussess jew jekk din l-Abbazija hijiex Lajkali jew Ekkleżjastika, iżda qalet biss li l-Arċisqof kellu d-dritt jaħtar Rettur skont l-atti tal-Fondazzjoni u għamel sew li rrifjuta t-talba ta’ Stagno Navarra. Minkejja sentenza favorevoli għall-Kurja fil-Qorti tal-Appell, l-Kurja iddeċidiet li tidħol f’taħdidiet u negozjati mal-familja Stagno Navarra rigward din il-Fondazzjoni u sussegwentament mingħajr ma jidher li ntalbu li jaraw xi evidenza minn sorsi indipendenti jew verifikati, aċċettaw it-talba ta’ dixxendenza ta’ Stagno Navarra minn Cosmana, u ħatru lin-nominat tagħhom l-avukat Patrick Valentino bħala rettur”.

Gordon Mifsud iċċara magħna x’kienu jgħidu l-atti tal-Fondazzjoni rigward il-ħatra ta’ rettur. Jiddikjara li “skont l-atti tat-twaqqif ta’ din il-Fondazzjoni, il-fondatriċi titlob lill-Isqof ta’ Malta pro tempore li meta jiġi biex jinħatar Rettur (amministratur) ta’ din il-Fondazzjoni, għandu jkun dixxendent dirett ta’ Cosmana Navarra u fin-nuqqas ta’ dixxendent għandu jinħatar qassis. L-isqfijiet ta’ Malta ta’ qabel Mons Scicluna, dejjem hekk għamlu. Din id-darba għal raġunijiet mhux magħrufin inħatar l-Avukat Patrick Valentino, li la huwa dixxendent u lanqas qassis. Tgħid il-Vatikan ta l-barka tiegħu għal dan il-Ftehim?”, jistaqsi Mifsud.

Gordon Mifsud jgħid lil IT-TORĊA li “fil-ftehim li sar bejn il-Kurja u l-aħwa Stagno Navarra, il-Kurja ingħatat €200,000 sabiex mill-interessi tagħhom tagħmel il-quddies u tixgħel ix-xemgħat għal ruħ Cosmana Navarra. Il-€200,000 tħallsu kif ġej; €20,000 kull wieħed minn sitt aħwa tal-familja Stagno Navarra, €40,000 mill-avukat Carmelo Galea u €40,000 mill-eks maġistrat Dennis Montebello. Minkejja dikjarazzjoni ta’ Mons Arċisqof fil-Qorti ta’ Għawdex li l-art tal-Fondazzjoni li kienet imwaqqfa għall-Opri Piji għandha tibqa’ sħiħa u mhux mittiefsa, malajr bdew jgħaddu l-artijiet tal-Fondazzjoni għall-iżvilupp u spekulazzjoni. Fost l-ewwel kuntratti li saru kien dak fejn biċċa art kbira ta’ żvilupp fl-inħawi ta’ Għar Boffa fil-Qala ingħataw b’ċens perpetwu lill-kumpanija Carravan Company Limited li 60 fil0-mija hija proprjetà ta’ Dei Conti Holdings Limited (kumpanija tal-aħwa Stagno Navarra), 20 fil-mija ta’ Carmelo Galea, u 20 fil-mija ta’ Carrac Limited (proprjetà ta’ Dennis Montebello. Dawn min-naħa tagħhom għaddew din l-art lil Excel Investments Ltd fejn bħalissa għaddej il-bini ta’ aktar minn 150 appartament. Aktar artijiet tal-Fondazzjoni ingħataw b’ċens perpetwu lil diversi spekulaturi kemm fil-Qala kif ukoll fin-Nadur, saħansitra waslu biex għamlu kuntratti fuq l-art tagħna stess li għandna titolu garantit fuqha.”

Mifsud żied jgħidilna li “l-kawża li kienet ilha għaddejja mill-2017 fil-qorti ta’ Għawdex inqatgħet kontrina imma se nibqgħu niġġieldu u nappellaw din is-sentenza. Aħna nafu li dak li għamilna kien kollu skont il-pariri tal-avukati tagħna u konformi mal-liġi li għadha parti mill-korp tal-Liġijiet ta’ Malta sal-ġurnata imqaddsa tal-lum. Nemmnu ukoll li l-Fondazzjoni mhix timxi skont l-ispirtu li għalih twaqqfet. Qegħdin nistennew li jinstema’ l-appell. Aħna lqajna bi pjaċir id-dikjarazzjoni li saret mill-Prim Ministru Robert Abela, li hu u l-gvern tiegħu mhux se jippermetti li jiġu żgumbrati l-familji minn darhom.”

Ftit ġimgħat ilu smajna lill-Arċisqof Charles Scicluna waqt intervista fuq il-portal tat-Times of Malta fejn qal li sal-2013 il-Knisja kienet tgħid li dawn l-artijiet huma tagħha, imma fl-2013 il-Qorti tat raġun (lil familja Navarra) u qalet li dawk ma humiex artijiet tal-Knisja. Dwar din l-istqarrija ta’ Mons Arċisqof Scicluna, is-sur Mifsud kellu dan x’jgħidilna. “Jien mhu se ngħid xejn dwar din l-istqarrija tal-Arċisqof jekk hiex vera jew le, ħlief li nikkwota x’qal taħt ġurament is-Sur Raymond Bonnici, ex Property Manager tal-Kurja fil-kawża tagħna fil-qorti ta’ Għawdex meta ġie mistoqsi jekk kienx involut f’dan il-każ tal-Abbazija. Nikkwotah kelma b’kelma : “Iva jiena kont involut, wara s-sentenza tal-elfejn u tlettax li ħalliet ħafna inċertezzi billi s-sentenza qalet biss illi l-Arċisqof għandu dritt li jaħtar l-abbati u mhux il-Maġistrat jew ħaddieħor, pero’ ma qalet xejn dwar jekk il-beneficcju jew il-ġuspatronat huwiex ekkleżjastiku jew purament lajkali, u jekk jaqax allura taħt il-liġi kanonika jew il-liġi ċivili. Minn wara s-sena 2013 bdew in-negozjati mal-familja Navarra. In-negozjati prinċipalment kienu jsiru mal-Avukat Carmelo Galea minn naħa tagħhom, però ġieli attendew membri tal-familja ta’ Navarra u minn naħa tagħna konna nkunu jiena u l-Avukat tagħna Dr. Domenic Cassar.
Mhuwiex ċar, hemm anki traduzzjonijiet li kien hemm, kien hemm ħafna interpretazzjoniijet differenti ta’ traduzzjoni tad-dokument tal-att tal-fondazzjoni, u minħabba din l-inċertezzza kien għalhekk li aħna lħaqna dan il-ftehim mal-familja Navarra.” Issa nħalli f’idejn il-qarrejja tiegħek biex jiddeċiedu min hu korrett”, qalilna Gordon Mifsud.

Dan il-missier għalaq hekk id-dikjarazzjoni tiegħu ma’ IT-TORCA billi qal li “S’intendi trid ktieb sħiħ biex tirrakkonta din l-istorja kollha intriċċi u kumbinazzjonijiet. Però nagħlaq b’dan il-ħsieb. Meta f’April tat-2022 ġie Malta l-Q.T. il-Papa Franġisku talabna bħala poplu Malti sabiex nilqgħu u nagħtu saqaf lil dawk l-immigranti li qed jaħarbu minnħabba l-inġustizzji li hemm f’pajjiżhom. Mill-banda l-oħra, f’Malta hawn Maltin li jridu jitfgħu lil ħuthom Maltin stess barra minn darhom, u biex tgħaxxaq, din is-setgħa ingħatat lilhom minn ħadd ħlief il-Kurja Maltija. X’kontradizzjoni hux!!!”.

Sport