Saturday, December 21, 2024

Aktar minn 23,000 passiġġieri fl-ewwel ġimagħtejn ta’ Lulju

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Parti kbira tal-passiġġieri li jaslu f’pajjiżna huma turisti; Impenn fuq strateġiji aggressivi ta’ marketing barra ‘l pajjiż

Miktub minn MARIA AZZOPARDI, Ritratt: ROGER AZZOPARDI

Il-Ministru għat-Turiżmu Julia Farrugia Portelli tkellmet ma’ dan il-ġurnal u spjegat kif dan l-istadju għadu prematur biex ikun stabbilit in-numru preċiż ta’ turisti. Madankollu, qalet li teżisti statistika ta’ numri ta’ passiġġieri li qed jaslu kemm bl-ajru kif ukoll bil-baħar. “Fost dawn il-passiġġieri jkun hemm parti kbira li jkunu turisti u l-ewwel 13-il ġurnata tax-xahar ta’ Lulju jirriżulta li waslu Malta ‘il fuq minn 23,000 passiġġier fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta,” stqarret il-Ministru. 

Farrugia Portelli kompliet tispjega kif apparti dawn, waslu wkoll mal-2,300 passiġġier ieħor bil-baħar bis-servizz tal-katamaran minn Sqallija. Din iċ-ċifra ta’ passiġġieri bil-baħar tikkonsisti f’nies li oriġinaw il-vjaġġ tagħhom minn Sqallija u għalhekk teskludi Maltin ġejjin lura. Il-Ministru qalet ukoll li l-maġġoranza ta’ dawn il-passiġġieri bil-baħar huma stmati li huma turisti.

“Dawn huma figuri modesti li jkomplu jixprunawna u jimmotivawna biex naħdmu ‘l quddiem,” sostniet il-Ministru Farrugia Portelli. Hija żiedet tgħid li f’perjodu sensittiv bħal dan, il-Ministeru għat-Turiżmu jibqa’ impenjat fuq strateġiji agressivi ta’ marketing barra l-pajjiż biex b’saqajna mal-art inkomplu nirriklamaw lil Malta bħala destinazzjoni unika u sikura.

MTA: Kunfidenti li l-influss ta’ turisti se jkompli jikber u jissaħħaħ

Intant, ilbieraħ kienet ġurnata importanti oħra hekk kif pajjiżna żied aktar destinazzjoni mal-lista tal-postijiet li wieħed jista’ jivvjaġġa minn u lejn Malta. Dan wara li fl-1 ta’ Lulju l-ajruport kien infetaħ għal 19-il pajjiż u mill-bieraħ dawn żdiedu bi 28 pajjiż ieħor li huma: r-Renju Unit, il-Belġju, il-Bulgarija, l-Olanda, il-Kanada, l-Awstralja, New Zealand, il-Korea t’Isfel, Andorra, Monako, San Marino, iċ-Ċina, il-Belt tal-Vatikan, ir-Rwanda, l-Urugwaj, Slovenja, il-Ġappun, il-Marokk, it-Tajlandja, it-Tuneżija, il-Portugall, ir-Rumanija, il-Libanu, l-Indoneżja, Emirati Għarab Magħquda, it-Turkija, il-Ġordan u l-Liechtenstein.

L-ORIZZONT talab ukoll kumment mingħand iċ-Ċermen tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu (MTA), Gavin Gulia fejn stqarr li l-Awtorità hija sodisfatta bl-andament tal-ewwel ġimgħatejn minn mindu nfetaħ mill-ġdid l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta. 

Gulia jinnota bi pjaċir li t-titjiriet qed jiżdiedu u anke n-numru ta’ passiġġieri li qed jaslu permezz tagħhom qed ikun aktar konsistenti aktar ma jgħaddi żmien. Huwa qal li jinsabu kunfidenti li biż-żieda ta’ aktar rotot li mill-bieraħ saru disponibbli minn u lejn Malta, u bix-xogħol bla heda li qed tagħmel l-Awtorità flimkien mal-Ministeru għat-Turiżmu, u l-ħidma kontinwa tas-settur privat, l-influss ta’ turisti se jkompli jikber u jissaħħah.

Il-ftuħ mill-ġdid tal-ajruport fl-1 ta’ Lulju kien tassew tragward importanti għal pajjiżna u b’mod speċjali għal dawk l-impjegati kollha, il-familji tagħhom u n-negozji li jiddependu minn din l-industrija għall-għajxien tagħhom. It-turiżmu f’Malta jitqies bħala pilastru importanti għall-ekonomija hekk kif dan jikkontribwixxi għal madwar 30% tal-GDP ta’ pajjiżna u għalhekk kemm il-ftuħ tal-ajruport u kemm iż-żieda ta’ pajjiżi li ngħaqdu mal-lista ta’ fejn wieħed jista’ jsiefer, ikomplu jarrikkixxu l-benesseri ekonomiku ta’ pajjiżna.

Bħala parti mill-impenn biex jiġi żgurati s-saħħa u s-sigurtà għall-passiġġieri, il-Linja Nazzjonali tal-Ajru Air Malta assigurat li qed issegwi il-gwida tal-aħjar prattika biex tassew jiġu implimentati l-ogħla standards mhux biss abbord iżda wkoll matul il-vjaġġ. Dawk li jkunu se jivvjaġġaw għandhom jassiguraw li jivverifikaw l-aħħar ħtiġiet għall-ivvjaġġar u restrizzjonijiet tal-pajjiżi u l-ajruporti fejn ikunu qegħdin jivvjaġġaw għax dawn forsi jkunu suġġetti għal bidla. Il-klijenti għandhom jiżguraw ukoll li jkollhom numru biżżejjed ta’ maskri għall-vjaġġ kollu filwaqt li għandhom jaslu fl-ajruport minimu ta’ 2.5 sigħat qabel il-ħin tat-tluq skedat tat-titjira.

Ekonomija

Sport