Sunday, December 22, 2024

Aktar minn 300 professjonist se jattendu għall-Kungress Internazzjonali dwar il-Vizzji li se jsir f’Malta

Aqra wkoll

Malta se tospita l-Kungress tal-ISAM (Soċjetà għall-Mediċina marbuta mal-Vizzji), li se jkun l-ewwel wieħed b’kuntatt fiżiku u mhux virtwali minn meta faqgħet il-pandemija tal-COVID-19. Dan il-kungress se jittella’ l-ġimgħa d-dieħla, bejn l-4 u s-7 ta’ Ottubru. Għalih se  jipparteċipaw mat-300 speċjalist minn barra minn Malta u 160 professjonist lokali li jaħdmu f’dan il-qasam.

Dan il-kungress se jittella’ b’kollaborazzjoni mal-Fondazzjoni għas-Servizzi tal-Ħarsien Soċjali (FSWS). Ħafna mit-temi li se jkunu diskussi jittrattaw ir-riabilitazzjoni u fatturi psikosoċjali li qed iwasslu għall-abbuż u kif dawn jistgħu jiġu evitati minn etajiet żgħar bħala prevenzjoni. Se jkunu diskussi wkoll studji, riċerka u innovazzjoni fejn tidħol l-użu ta’ mediċina alternattiva għall-kura ta’ vizzju minn droga speċifika.

Dawn id-dettalji tħabbru mill-Ministru Michael Falzon waqt konferenza tal-aħbarijiet nhar il-Ħamis waranofsinhar fl-Università l-Antika fil-Belt Valletta, li diġà tinsab armata biex tilqa’ dan il-kungress.

L-ISAM tgawdi rispett internazzjonali fost tobba u professjonisti li jaħdmu mill-qrib ma’ persuni bi problemi ta’ vizzji. Huma jaħdmu ħafna fuq aspetti mediċi u konsegwenza soċjali u psikjatriċi marbuta mal-abbuż kontinwu fis-sustanzi. 

Il-Ministru Michael Falzon spjega li llum mhux qed inħarsu biss lejn abbuż mill-alkoħol u mid-drogi,  imma anke vizzjioħrajn bħall-użu eċċessiv tal-mobiles il-ħin kollu tal-ġurnata, il-logħob (betting) online u l-konsumiżmu sfrentat wkoll online.

“Ma investejniex biss fis-servizzi li joffri u jipprovdi direttament il-gvern permezz tal-Aġenzija Sedqa fi ħdan l-FSWS, kif ukoll is-servizzi tal-Ministeru għas-Saħħa f’dan il-qasam. Żidna wkoll, fil-fatt, in-nefqa għal dik li hi l-għajnuna li nagħtu lill-NGOs li jaħdmu f’dan il-qasam. Dan għalina huwa investiment għax wara kull vittma hemm familja. Soċjetà b’saħħitha hija dik li tgħin lil kulħadd mingħajr ebda distinzjoni”, temm jgħid il-Ministru Michael Falzon.

Ekonomija

Sport