Tuesday, June 23, 2026

Aktar minn 3,300 vawċer għall-internet għall-istudenti

Aqra wkoll

Aktar minn 3,300 student se jibbenefikaw minn sena internet b’xejn permezz ta’ vawċer b’valur ta’ €300, hekk kif il-Gvern qed ikompli jinvesti fl-edukazzjoni u fl-aċċess għat-teknoloġija bl-internet biex aktar żgħażagħ ikollhom l-għodod meħtieġa biex jirnexxu fl-istudji tagħhom.

Din l-inizjattiva hija mmirata lejn studenti eliġibbli għall-istipendju li matul is-sena akkademika 2025/2026 bdew jistudjaw għall-ewwel darba fil-livell post-sekondarju, fosthom fil-Junior College, il-Higher Secondary, l-MCAST u l-Istitut tal-Istudji Turistiċi (ITS) fost oħrajn. Permezz ta’ din l-iskema, l-istudenti se jkunu jistgħu jibbenefikaw minn servizz tal-internet għal 12-il xahar mingħand wieħed mill-fornituri tas-servizzi tal-internet fil-pajjiż.

L-inizjattiva tifforma parti mill-ħidma kontinwa tal-Gvern sabiex l-edukazzjoni tibqa’ aċċessibbli għal kulħadd, filwaqt li tkompli tnaqqas il-piż finanzjarju fuq il-familji u tiffaċilita l-aċċess tal-istudenti għall-għodod diġitali li llum huma essenzjali għat-tagħlim, ir-riċerka, il-komunikazzjoni u l-iżvilupp tal-ħiliet.

Il-Ministru għall-Edukazzjoni u l-Isport, Byron Camilleri, qal li din l-iskema hija eżempju konkret ta’ kif il-Gvern qed ikompli jinvesti direttament fl-istudenti u fil-futur tagħhom.

“F’dinja dejjem aktar diġitali, l-aċċess għall-internet m’għadux lussu iżda neċessità. Huwa għalhekk li qed inkomplu ninvestu f’inizjattivi li jagħmlu differenza konkreta fil-ħajja tal-istudenti u tal-familji tagħhom. Irridu li kull student ikollu l-istess opportunitajiet biex jitgħallem, jiżviluppa l-potenzjal tiegħu u jilħaq l-aspirazzjonijiet tiegħu. Din l-iskema hija investiment dirett fil-futur taż-żgħażagħ tagħna u fil-futur tal-pajjiż,” qal il-Ministru Camilleri.

Il-Ministru żied li din l-inizjattiva tibni fuq sensiela ta’ miżuri oħra li ttieħdu matul l-aħħar snin sabiex jissaħħaħ l-aċċess għall-edukazzjoni u għat-teknoloġija, filwaqt li aktar studenti jingħataw l-opportunità li jkomplu javvanzaw fl-istudji tagħhom mingħajr ostakli bla bżonn.

L-istudenti eliġibbli huma dawk li temmew l-edukazzjoni obbligatorja tagħhom fl-2025, komplew jistudjaw fil-livell post-sekondarju u jirriżultaw eliġibbli għall-istipendju. Studenti li qed itemmu l-edukazzjoni sekondarja tagħhom din is-sena se jkunu jistgħu jibbenefikaw mill-iskema s-sena d-dieħla, sakemm ikomplu jistudjaw fil-livell postsekondarju u jiġu kkonfermati bħala eliġibbli għall-istipendju.

Din l-iskema ġiet introdotta għall-ewwel darba fl-2021 u minn dakinhar ’l hawn aktar minn 9,200 student ibbenefikaw minn sena internet b’xejn. Din is-sena biss, il-Gvern se jkun qed jinvesti aktar minn miljun ewro sabiex ikompli jappoġġja lill-istudenti fil-vjaġġ edukattiv tagħhom.

Mill-bieraħ, it-Tnejn 22 ta’ Ġunju, l-istudenti eliġibbli bdew jirċievu email mit-Taqsima tal-Għotjiet ta’ Manteniment għall-Istudenti sabiex jagħżlu l-fornitur tas-servizz tal-internet preferut tagħhom. Il-vawċers se jibdew jitqassmu minn nofs Lulju u jistgħu jissarrfu sat-30 ta’ Settembru 2026.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport