Tuesday, June 23, 2026

Naħdmu biex inżommu bonordni u paċi pubblika – il-Ministru Glenn Bedingfield waqt żjara fil-Community Policing tas-Swieqi u Pembroke

Aqra wkoll

Waqt żjara li għamel fl-uffiċċju tal-Community Policing ta’ Swieqi u Pembroke, il-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Glenn Bedingfield qal li l-bonordni u l-paċi pubblika għandhom ikunu rispettati dejjem u huwa għal dan il-għan li f’din iż-żona partikolari qed isiru rondi matul il-lejl.

Il-kunċett tal-Community Policing tnieda għall-ewwel darba fl-2019 fil-Mellieħa bħala parti minn riforma usa’ tal-Korp tal-Pulizija. Fl-2020, Swieqi u Pembroke kienu fost l-ewwel lokalitajiet li bbenefikaw minn dan il-mudell ġdid ta’ pulizija aktar qrib il-komunità. Illum, is-servizz tal-Community Police huwa preżenti f’kull belt u raħal madwar Malta u Għawdex.

Matul l-aħħar snin, il-lokalitajiet ta’ Swieqi u Pembroke esperjenzaw realtajiet ġodda marbuta maż-żieda fit-turiżmu. Filwaqt li din ir-realtà tinħass tul is-sena kollha, l-akbar influss ta’ viżitaturi normalment ikun bejn ix-xhur ta’ Mejju u Settembru. B’reazzjoni għal dawn l-iżviluppi, minn dan is-sajf il-Community Police tas-Swieqi introduċew rondi matul il-lejl kollu, b’uffiċjali li jduru l-lokalità kollha b’enfasi partikolari fuq iż-żoni identifikati bħala hotspots.

Wieħed mill-pilastri ewlenin tal-Community Policing huwa l-komunikazzjoni diretta mar-residenti. Għal dan il-għan, it-tim tal-Community Police tas-Swieqi juża diversi mezzi ta’ komunikazzjoni, inkluż paġna dedikata fuq Facebook u WhatsApp channel li permezz tiegħu r-residenti jistgħu jgħaddu l-ilmenti u t-tħassib tagħhom direttament lill-uffiċjali.

“F’isem ir-residenti, f’isem il-poplu Malti, grazzi tax-xogħol tagħkom li qed tagħmluh b’tant dedikazzjoni. Dan is-servizz intlaqa’ tajjeb ħafna mill-komunità li issa jistgħu jżommu kuntatt dirett magħkom bil-mezzi soċjali u l-mobile. Permezz ta’ dan is-servizz qed inkunu aktar pronti biex inwieġbu għal kull ilment jew preokkupazzjoni mir-residenti fl-inqas ħin possibbli,” qal il-Ministru Glen Bedingfield lill-pulizija tal-komunità tas-Swieqi u Pembroke, flimkien mal-ogħla uffiċjali tal-Korp. 

Il-Community Policing jibqa’ mibni fuq il-prinċipju li r-residenti jkunu jafu lill-pulizija tagħhom mill-qrib u li l-pulizija jkunu familjari mal-ħtiġijiet tal-komunità li jservu. Illum hemm madwar 170 uffiċjal tal-Community Police madwar il-pajjiż, li jaħdmu fuq bażi ta’ kuntatt kontinwu mar-residenti, inkluż laqgħat regolari kull tliet xhur biex jiġu diskussi sfidi u prijoritajiet lokali.

Il-ħidma tal-Community Police tinkludi wkoll fokus fuq l-ordni pubblika, il-prevenzjoni tal-kriminalità, il-ħolqien ta’ għarfien bażiku dwar kwistjonijiet ta’ sigurtà fil-komunità.

Matul ix-xhur li ġejjin, il-Korp tal-Pulizija se jkompli jsaħħaħ ir-riżorsi tiegħu wkoll permezz tad-dħul ta’ rekluti ġodda li se jingħaqdu mal-Korp f’Lulju, sabiex ikompli jtejjeb is-servizz offrut lill-komunitajiet madwar il-pajjiż.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport