Is-servizz tal-fast ferry bejn il-Belt Valletta u l-Imġarr, Għawdex, li beda jopera f’Ġunju li għadda, jidher li ntlaqa’ tajjeb mill-pubbliku. Tant li minn meta tnieda dan is-servizz ġdid, kien hemm 364,672 passiġġier li qasmu bejn iż-żewġ gżejjer.
Fil-perjodu bejn Ġunju u Diċembru li għadda saru b’kollox 8,028 vjaġġi permezz ta’ żewg bastimenti operati minn żewġ kumpaniji differenti. L-iktar xahar li fih in-nies użaw il-fast ferry kien ix-xahar ta’ Awwissu b’total ta’ 73,104 passiġġier.
Sadanittsnt, fix-xhur bejn Ottubru u Diċembru tas-sena l-oħra, xejn inqas minn 1,185,502 passiġġieri qasmu l-fliegu fuq 11,215-il vjaġġ li saru bejn Malta u Għawdex, bix-xahar ta’ Ottubru jkun l-iktar wieħed attiv li matulu saru 3,832 vjaġġ li hu 34.2 fil-mija tal-vjaġġi kollha li saru.
Ċifri maħruġa mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO) juru li aktar minn miljun passiġġier ivvjaġġaw bejn l-Imġarr, Għawdex u ċ-Ċirkewwa Malta fl-aħħar tliet xhur tas-sena li għaddiet tant li ġiet reġistrata żieda ta’ 21.8 fil-mija fuq l-istess perijodu tas-sena ta’ qabel. Fl-istess waqt l-għadd ta’ vetturi li vjaġġaw fuq din ir-rotta żdied ukoll b’10 fil-mija u laħaq total ta’ 429,806.
F’sena sħiħa, bejn Jannar u Diċembru 2021, il-granet tal-Ġimgħa u s-Sibt kienu l-aktar li fihom ivvjaġġaw passiġġieri u vetturi miċ-Ċirkewwa filwaqt li mill-Imġarr Għawdex lejn Malta il-ġranet tal-Ħdud u t-Tnejn kienu l-iktar bieżla.