Sunday, November 24, 2024

Aktar minn 380 multa fuq użu improprju ta’ eKickScooters u elevati 280 oħra

L-użu rresponsabbli tal-e-scooters…

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

Is-Sindku ta’ Pariġi ħabbar li l-liċenzji għall-kumpaniji li jikru l-e-scooters mill-1 ta’ Settembru mhux se jkunu mġedda.

Dan wara referendum li b’maġġoranza assoluta ċ-ċittadini ta’ din il-belt kapitali vvotaw kontra li jkun hemm aktar e-scooters tal-kiri “mas-saqajn”. L-oppożizzjoni għal dan l-użu alternattiv u aktar nadif ta’ trasport mill-Pariġini kibret minħabba kwistjonijiet ta’ sigurtà u ta’ irresponsabbiltà.

L-istess kwistjonijiet għandna minnhom lokalment fejn mhux darba jew tnejn naraw fit-toroq sewqan perikoluż fuq e-scooters u għadd minnhom mitluqa bl-addoċċ fuq il-bankini jew kif ġie ġie.

Ma ninsewx ukoll li x-xahar li għadda kellna fatalità traġika ta’ ġuvni li kien qiegħed isuq e-scooter fit-toroq tagħna. L-inċidenti bl-e-scooters ma kienux u m’humiex limitati biss għas-sewwieqa, iżda anke għal persuni li jkunu miexja bi kwiethom u jispiċċaw vittmi ta’ daqqa bihom, liema daqqiet ukoll jirriżultaw perikolużi għal ħajjet dak li jkun.

Fir-rigward talk.mt tkellem mal-Ministru tat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali, Aaron Farrugia, fejn qalilna li s’issa, din is-sena biss, l-uffiċjali ta’ Transport Malta taw aktar minn 380 multa fuq użu improprju u elevaw 280 eKickScooters. Ħabbar ukoll li bħalissa għaddejjin diskussjonijiet bejn TM u numru ta’ Kunsilli Lokali biex sas-sajf li ġej jiġu implimentati numru ta’ parking bays għal dawn il-vetturi.

Liġi li tirregola l-użu tagħhom…

Malta kienet wieħed mill-ewwel pajjiżi Ewropej li rregolarizzaw l-użu tal-eKickScooters, bil-liġi tidħol fis-seħħ f’Diċembru tat-2019. Il-Ministru Aaron Farrugia qal li pajjiżi bħall-Italja, qegħdin jiġu proposti li jiddaħħlu klawżoli ġodda u/jew mibdula fil-liġi li tirregola l-użu tal-eKickScooters li jqarrbu l-liġijiet tagħhom lejn dawk ta’ Malta f’dak li għandu x’jaqsam ma’ assikurazzjoni, liċenzja u anke number plate.  

“Il-liġi sussidjarja 499.67 tgħidlek li kull eKickScooter li jinsaq fit-toroq Maltin għandu jkollu head lamps u tail lamps li jkunu viżibbli lil min jagħmel użu mit-triq. Is-sewwieqa huma obbligati li jilbsu high-visibility vest bejn inżul ix-xemx u tlugħ ix-xemx f’kull ħin,” spjega l-Ministru Farrugia. 

Huwa qal li l-eKickScooters huma parti minn soluzzjoni ferm ikbar, fejn fost l-oħrajn naraw l-użu iktar tat-trasport pubbliku, trasport tal-massa ieħor, car sharing/pooling u tele-working fost l-oħrajn.

Rigward il-każ reċenti li fih żagħżugħ tilef ħajtu huwa u jsuq e-scooter, min-naħa tiegħu l-Ministru Farrugia qal li, “mingħajr ma nidhol fil-mertu tal-każ partikolari, jekk ir-regolamenti jiġu rrispettati, in-numru tal-inċidenti kif ukoll l-gravità tagħhom, żgur li tkun inqas. Bħala miżuri biex inaffru sewqan perikoluż, kif għidt aktar qabel, il-liġijiet u regolamenti dwar l-użu tal-eKickScooters diġà qegħdin hemm.

Biddilna wkoll regolamenti biex enforcement officers ta’ Transport Malta jkunu jistgħu jinfurzaw l-użu tal-eKickScooters. Ħaġa li qiegħda ssir b’suċċess. Kif jissemma’ fil-liġi, jeżistu pieni għal min jħalli l-eKickScooter mitluq fuq bankina jew fit-triq”.

Għaliex f’Pariġi ma jriduhomx aktar

Pariġi hija waħda mill-aktar bliet kapitali sbieħ u emanċipati fejn l-aħbar li r-residenti jridu li jieqaf servizz ta’ kiri ta’ mezz ta’ trasport nadif u “futuristiku” issorprendiet lil ħafna.

Ir-referendum għall-projbizzjoni tal-e-scooters tal-kiri fit-toroq tal-kapitali Franċiża sar fit-2 ta’ April fejn total ta’ 103,000 persuna (90%) ivvotaw favur din il-projbizzjoni. Madwar 1.4 miljun persuna kienu eliġibbli biex jivvotaw.

Din il-belt hija rrapportata li għandha madwar 15,000 e-scooters ipprovduti mill-kumpaniji tal-kiri “Tier”, “Lime” u “Dott”. Dawn l-e-scooters, bħal f’Malta, jistgħu jinġabru f’żoni mmarkati fuq App tal-mowbajls. F’Pariġi huma rrapportati li kienu qegħdin jitħallew f’nofs il-bankini mentri kien hemm min saħansitra ramihom fix-xmara Seine.

Ir-residenti tal-belt eventwalment bdew jiffaċċjaw inkonvenjent kbir minħabba li l-escooters bdew jimblokkaw il-bankini u għaldaqstant saru ta’ periklu għal min ikun qiegħed jimxi.

Għalkemm hemm ħafna li jaqblu li l-e-scooters huma mezz alternattiv effettiv kontra t-tniġġis tal-arja flok jintuża t-trasport pubbliku, is-sena 2022 kienet sena li fiha l-pulizija ta’ Pariġi rrapportaw aktar minn 400 inċidenti fejn xejn inqas minn 459 persuni sofrew ġrieħi.

Ħafna drabi s-sewwieqa tal-escooters ma jilbsux l-elmu

Tajjeb li nsemmu li riċerka fir-Renju Unit sabet li s-sewwieqa tal-e-scooters huma f’periklu akbar li jsofru ġrieħi serji miċ-ċiklisti. L-istudju mill-Università Queen Mary ta’ Londra u s-St Mary’s Hospital sab li s-sewwieqa tal-e-scooters ħafna drabi ma jilbsux l-elmu protettiv u hemm riskju akbar li jkunu taħt l-effett ta’ sustanzi.

Hekk kif jidher fir-ritratt meħud mill-fotografu tagħna li qegħdin nippubblikaw, sewwieq fuq escooter fit-toroq tagħna mhux talli mhuwiex liebes elmu, talli saħansitra għandu l-headphones fuq widnejh u dan b’periklu ċar u imminenti kemm għalih, għas-sewwieqa l-oħra fit-triq, kif ukoll għal dawk il-persuni li jkunu miexja fl-inħawi. Dan żgur li mhuwiex każ iżolat.

Huwa pożittiv ħafna li f’Malta għandna liġi li tirregola l-użu tagħhom u nittamaw li jkun hemm fl-ewwel post, responsabbiltà akbar mis-sewwieqa nnfushom u fejn ikun hemm bżonn, isir infurzar effettiv mill-awtoritajiet bil-għan li nevitaw inċidenti serji.

Barra minnhekk, aktar għarfien u kampanji edukattivi żgur li jgħinu biex is-sigurtà fit-toroq tagħna tiżdied anke f’dan ir-rigward.

Sport