Aktar minn 60 tifla minn sitt skejjel inġabru fil-ground tal-Istitut San Ġużepp aktar kmieni dan ix-xahar biex jieħdu sehem f’Tournament tal-Bniet ta’ taħt il-15-il sena bl-isem ta’ School Olympics. Dan it-tournament kien organizzat mid-Dipartiment tal-Football tan-Nisa fi ħdan il-Fondazzjoni Inħobb il-Futbol, u l-Kumitat Olimpiku Malti.
It-tournament ra l-parteċipazzjoni ta’ timijiet mill-iskejjel ta’:
- L-iskola Sekondarja tal-Kulleġġ Maria Reġina (Ex Lily of the Valley)
- L-iskola Sekondarja tal-Kulleġġ Maria Reġina taż-Żokrija
- L-iskola Sekondarja tal-Kulleġġ Santa Klara (Pembroke)
- St Catherine’s School
- St Dorothy’s School
- St Monica School, Gżira
It-Tournamenti tal-Bniet ta’ taħt il-15-il sena kienu introdotti dan l-istaġun biex jippromwovu aktar il-football tan-nisa kif ukoll il-benefiċċji li wieħed jipprattika l-isport speċjalment l-istudenti tal-iskejjel sekondarji. L-avveniment ta’ dan ix-xahar, mirbuħ mit-tim tal-Iskola St Dorothy, kien it-tielet u l-aħħar wieħed għall-istaġun 2022-23 bit-tournaments preċedenti saru f’Diċembru u Mejju.
Bħal fil-festivals riċenti, it-tfajliet parteċipanti ngħataw materjal ta’ informazzjoni dwar il-Kampjonat Ewropew ta’ taħt id-19-il sena tal-UEFA, li se jsir f’Malta mit-3 sas-16 ta’ Lulju, 2023.
It-twessiegħ tal-football tan-nisa huwa prijorità għall-Malta FA u għal dan il-għan, reċentement tnieda stħarriġ pubbliku bħala parti mill-proċess li għaddej biex tiġi żviluppata strateġija ġdida għall-football tan-nisa f’Malta. Wieħed jista’ jimla s-survey billi jmur fil-ħolqa – https://bit.ly/41DxSp2.
Peress li r-rispons għal dawn it-tournaments kien wieħed pożittiv ħafna, il-pjan hu li din l-inizjattiva titkompla fis-sena skolastika li ġejja. L-iskejjel li jixtiequ jipparteċipaw f’dawn it-tournaments matul is-sena skolastika 2023-24 jistgħu jibagħtu email fuq [email protected].