Friday, December 27, 2024

Aktar minn 70 fil-mija jaqblu li dan il-budget kien wieħed tajjeb jew tajjeb ħafna

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Waqt id-diskors tal-attività politika mill-Gżira, il-Ministru għall-Finanzi u x-Xogħol Clyde Caruana qal li kien qiegħed iħares lejn dan il-budget biex fuq kollox jasserixxi fil-miżuri l-qalb soċjali li tant hija importanti għall-Moviment Laburista. 

Il-Ministru Caruana żied jgħid li meta kien qiegħed jaqra d-diskors tal-budget kellu kurżità dwar x’se tkun ir-reazzjoni tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech. “L-ispiżjar milli jkollu jagħtik”, hekk iddeskriva r-reazzjoni ta’ Grech fi ftit kliem il-Ministru Caruana.

Rigward ir-reazzjonijiet tal-poplu, minn stħarriġ li sar s’issa, aktar minn 70 fil-mija qalu li dan kien budget tajjeb jew tajjeb ħafna. Ftit aktar minn 50 fil-mija qalu li dan il-gvern qiegħed jindirizza u jagħti dak li jixraqlu lill-ambjent. Anqas minn 10 fil-mija qalu li dan il-budget kien wieħed ħażin jew ħażin ħafna u l-Ministru spjega li dan ifisser li “l-għalqa tagħna li hija kbira qed jirnexxielna nżommuha u nieħdu ħsiebha u għada pitgħada meta jasal is-siegħa u l-waqt anke biċċa mill-għalqa tagħhom niħdulhom u nkomplu nkabbruha”.

Il-Ministru tenna li fil-jiem li ġejjin se jkun qiegħed jindirizza l-problema tal-għoli tal-ħajja għal dawk li jifilħu lanqas. Huwa qal li r-rilevanza ta’ dan il-gvern se tkompli tiżdied għax il-poplu għandu fiduċja fit-tmexxija ta’ dan il-gvern.

Caruana temm jgħid li gvern Laburista kien daqstant tajjeb fi żminijiet daqstant diffiċli, kemm se jkun kapaċi jkun aħjar ladarba dawn l-isfidi jiġu megħluba.

Ekonomija

Sport