Saturday, November 23, 2024

Aktar minn 70 miljun ewro investiti f’1,000 kumpaniji Maltin u Għawdxin minn fondi Ewropej

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri, flimkien mas-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Stefan Zrinzo Azzopardi, żaru l- kumpanija Gozo Distillery Ltd f’Għawdex, start-up li għamlet użu minn fondi Ewropej.

Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri qal li dan il-proġett tal-Gozo Distillers Ltd, b’investiment ta’ nofs miljun ewro u kofinanzjat mill-fondi Ewropej, se jfisser li din il-kumpanija se tkun qed tagħmel diversi prodotti tipiċi Għawdxin u prodotti magħmulin mill-alkoħol. Il-Ministru Camilleri stqarr li, “huwa ta’ pjaċir għalija li nara kumpaniji ġodda li jibdew jinvestu bi prodotti ġodda minn ġewwa Għawdex u jibbenefikaw minn fondi Ewropej.” Il-Ministru għal Għawdex spjega li investiment bħal dan ifisser tajjeb kemm għan-negozji nfushom kif ukoll għall-ħaddiema, għaliex jiġu ġġenerati aktar impjiegi, u b’hekk jinħoloq aktar xogħol f’Għawdex għall-Għawdxin.

Is-Segretarju Parlamentari Stefan Zrinzo Azzopardi sostna li din il-kumpanija hija prova ta’ suċċess permezz ta’ fondi Ewropej. Aktar minn 1,000 kumpanija bbenefikaw minn fondi Ewropej, bil-maġġor parti tagħhom ta’ daqs żgħir jew medju, bil-għan li jkollhom il-kapital biex jinvestu fil-kumpanija tagħhom, jkabbru l-operat, filwaqt li jżiedu l-aspett kompetittiv, kemm fis-suq lokali u anki f’dak internazzjonali. L-injezzjoni diretta ta’ aktar minn €70 miljun ewro fil-kumpaniji Maltin u Għawdxin permezz ta’ fondi Ewropej, qed twassal għat-tisħiħ tal-ekonomija Maltija biex tkun aktar b’saħħitha u diversifikata sabiex tikkompeti fi swieq internazzjonali. Is-Segretarju Parlamentari għalaq billi qal li, “dawn l-għajnuniet se jkomplu jkattru l-ġid f’pajjiżna.”

Id-direttur tal-kumpanija Gozo Distillers Ltd stqarr li din l-istart-up ma kinitx tkun possibbli li kieku ma kienx ikun hemm din l-għajuna importanti minn fondi Ewropej sabiex jilħqu dak li kien l-għan tagħhom għal snin twal, li hu distillazzjoni tal-alkoħol. L-investiment wassal għax-xiri ta’ tagħmir li jibda mill-fermentazzjoni, id-distillazzjoni u l-ibbottiljar ta’ prodotti alkoliċi. Gozo Distillers Ltd se tassisti nies tal-lokal billi tixtri mingħand il-fornitur lokali materja prima li tintuża biex tipproduċi l-prodotti tagħhom.

Sport