Friday, December 20, 2024

Aktar minn 80% tal-pajjiż kopert bis-servizz tal-community policing

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Is-servizz tal-pulizija fil-komunità (community policing), li kien tnieda għall-ewwel darba bħala proġett pilota fl-2019, kompla jiġi estiż tant li llum ikopri aktar minn 80% tal-lokalitajiet f’Malta u Għawdex. Dan juri li l-wegħda li l-Korp tal-Pulizija se jkompli jsaħħaħ il-preżenza tiegħu fil-komunitajiet qiegħda tingħata l-akbar importanza.

Dan qalu l-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafà fil-messaġġ tiegħu li ħareġ f’rivista tal-Korp bl-isem “Blue Lives” fl-okkażjoni tal-209 anniversarju mit-twaqqif tal-Korp tal-Pulizija.

Huwa qal li l-istrateġija ta’ trasformazzjoni tal-Korp, li tnediet f’Settembru tal-2020 u hi mqassma fuq ħames snin, tistabbilixxi viżjoni ċara – “biex il-komunità tafdana niżguraw soċjetà sigura għal kulħadd.” Irrefera wkoll għal studju li sar fi ħdan il-Korp li wera kif 86% tal-uffiċjali raw bidla pożittiva bl-implimentazzjoni ta’ din l-istrateġija.

“Dak is-sens ta’ aktar kburija u motivazzjoni mill-uffiċjali tagħna qed jissarraf f’żieda sinjfikanti fil-fiduċja pubblika u l-kunfidenza fost dawn il-ħaddiema,” tenna jgħid il-Kummissarju tal-Pulizija.

Fil-fatt, huwa rrimarka kif l-aħħar studju tal-Ewrobarometru wera li l-Korp tal-Pulizija ta’ Malta jgawdu fiduċja ta’ 70%, l-aħjar riżultat miksub sa mill-2008 u li jpoġġihom fl-istess livell tal-medja tal-Unjoni Ewropea għat-tieni sena konsekuttiva. “Dawn ir-riżultati tal-Ewrobarometru jirrappreżentaw qabża ta’ 16% fil-fiduċja pubblika f’dawn l-aħħar tliet snin.”

Il-Kummissarju Gafà nnota wkoll kif fl-2022, kien reġistrat tnaqqis ta’ aktar minn 5% fir-rata ta’ kriminalità meta mqabbel mas-sena ta’ qabel. Huwa temm jgħid li l-Korp se jibqa’ impenjat bil-missjoni tiegħu li jipprovdi servizz professjonali u ta’ fiduċja biex jiżgura s-sigurtà fi sħubija mal-komunità.

Ekonomija

Sport