Aktar minn 8,000 student fl-MCAST

Aqra wkoll

L-MCAST fetħet sena akkademika ġdida f’sena partikolari għall-Kulleġġ, hekk kif qed tfakkar il-25 sena mit-twaqqif tagħha. Iċ-ċerimonja tal-ftuħ, bit-tema Gratitudni filwaqt li Nħarsu ’l Quddiem, laqqgħet flimkien studenti, edukaturi, ħaddiema u alumni fil-Kampus Ewlieni tal-MCAST f’Raħal Ġdid.    

Minn meta twaqqfet fl-2001, l-MCAST kompliet tikber u llum hija l-istituzzjoni ewlenija f’Malta għall-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali u professjonali, bi programmi li jwasslu miċ-ċertifikat sad-dottorat.  

Il-Ministru għall-Edukazzjoni u l-Isport Byron Camilleri, li indirizza ċ-ċerimonja, qal li dan l-anniversarju huwa opportunità biex jiġi ċċelebrat dak li nkiseb f’dawn il-25 sena, iżda fuq kollox biex wieħed iħares lejn il-ġenerazzjoni ta’ studenti li se tkompli tikteb il-kapitlu li jmiss tal-MCAST.

Huwa appella wkoll lill-MCAST sabiex f’kull deċiżjoni li tieħu tiftakar l-għan għalfejn twaqqfet u teżisti l-MCAST.

Min-naħa tiegħu, il-Prinċipal u Kap Eżekuttiv tal-MCAST Stephen Vella rrifletta fuq il-vjaġġ tal-Kulleġġ tul dawn l-aħħar 25 sena u fuq l-esperjenza li l-MCAST irid ikompli joffri lill-istudenti tiegħu.

Il-Ministru Camilleri sostna li l-edukazzjoni vokazzjonali għandha rwol importanti fit-tħejjija taż-żgħażagħ għal dinja tax-xogħol li qed tinbidel, iżda wkoll fl-iżvilupp tagħhom bħala persuni. Huwa qal li l-edukazzjoni ma tieqafx maċ-ċertifikat, iżda għandha tibni wkoll il-kunfidenza, ir-reżiljenza, il-ħidma f’tim u l-kapaċità li wieħed jadatta għal realtajiet ġodda.  

Noah Camilleri, student tal-MCAST u Segretarju Ġenerali tal-Kunsill Studenti MCAST, qal, “Hekk kif qed nibdew sena akkademika ġdida f’sena li fiha l-MCAST qed tiċċelebra l-25 anniversarju tagħha, nixtiequ nawguraw lill-istudenti kollha sena mill-aqwa. Inħeġġu lil kull student biex mhux biss jagħmel l-aħjar mill-istudji tiegħu, iżda jkun ukoll aktar attiv fil-ħajja akkademika u studenteska tal-Kulleġġ”

F’dawn l-aħħar snin kompla jissaħħaħ l-investiment fl-MCAST. F’April 2025 ġie ffirmat ftehim kollettiv ġdid b’investiment ta’ aktar minn €45 miljun fil-ħaddiema u l-letturi tal-Kulleġġ, filwaqt li madwar €33 miljun ġew investiti fit-tieni fażi tal-MCAST Campus Masterplan, li tinkludi faċilitajiet ġodda u ambjent ta’ tagħlim aktar modern.  

Fl-istess waqt, l-MCAST qed tkompli twessa’ r-rotot disponibbli għall-istudenti. Fl-2025 twaqqaf l-Istitut tas-Snajja’, li joffri tagħlim prattiku marbut direttament mad-dinja tax-xogħol, filwaqt li fl-2026 l-ewwel gradwati tal-MCAST ingħataw il-warrant ta’ inġinier, tragward li kompla jsaħħaħ il-parità ta’ stima bejn rotot edukattivi differenti.  

Il-ħarsa issa qed iddur lejn il-fażi li jmiss. Fil-ġimgħat li ġejjin, l-MCAST se tniedi l-Vision 2030, b’enfasi fuq l-innovazzjoni diġitali, programmi marbuta mal-ħtiġijiet tal-industrija u aktar opportunitajiet ta’ tagħlim prattiku u innovattiv. Se titnieda wkoll strateġija dwar l-Intelliġenza Artifiċjali, bil-għan li din it-teknoloġija tiġi integrata b’mod responsabbli u prattiku fit-tagħlim, ir-riċerka u l-operat tal-Kulleġġ.  

Iċ-ċerimonja kienet indirizzata wkoll mill-Prinċipal u Kap Eżekuttiv tal-MCAST Stephen Vella u mill-President tal-Bord tal-Gvernaturi Horace Laudi. Il-programm, li poġġa l-esperjenza umana tal-MCAST fiċ-ċentru tal-25 anniversarju, inkluda wkoll il-parteċipazzjoni ta’ alumni tal-Kulleġġ. 

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport