Wednesday, April 17, 2024

Aktar minn €10 miljun għall-persuni li soffrew inġustizzji fil-passat

Aqra wkoll

Aktar minn €10 miljun għall-persuni li soffrew inġustizzji fil-passat

Fi tmiem din il-ġimgħa, għal darb’oħra se jsiru pagamenti lil dawk il-persuni jew il-werrieta tagħhom li fl-imgħoddi sofrew inġustizzja jew anomalija fl-impjieg tagħhom.

B’kollox, 5,306 persuna se jirċievu dawn il-pagamenti li jammontaw għal €10.2 miljun skont it-termini ta’ tliet skemi mħaddma minn żewġ ministeri flimkien mal-Ministeru għall-Finanzi u x-Xogħol.

Dawn id-dettalji tħabbru mill-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal Michael Falzon, waqt konferenza tal-aħbarijiet. Matulha, il-Ministru Michael Falzon għadda d-dettalji dwar il-pagamenti tat-tliet skemi li se jkunu qed isiru fil-jiem illi ġejjin.

  1. Skema għal dawk li daħlu fis-servizz pubbliku
  • Miftuħa għal dawk il-persuni li kienu fil-korpi tax-xogħol jew kienu msieħba fi programmi ta’ apprentistat jew ta’ taħriġ qabel l-1979 u wara daħlu jaħdmu f’dipartimenti tal-gvern. 
  • Din hija s-sitt sena li tħaddmet din l-iskema.
  • Minnha din is-sena qed jibbenefikaw 3,028 persuna jew l-eredi tagħhom. Il-ħlas li jirċievu huwa marbut maż-żmien li damu jaħdmu fis-servizz pubbliku mill-ħatra uffiċjali tagħhom wara Jannar 1979 u sad-data tal-irtirar mix-xogħol.
  • Il-pagamenti se jlaħħqu madwar €6.6 miljun, biex b’kollox f’dawn is-sitt snin il-benefiċjarji jkunu tħallsu €35.7 miljun.
  1. Skema għal persuni li daħlu fis-settur pubbliku
  • Din l-skema tnediet fl-2019 b’termini u kundizzjonijiet apposta għal dawk il-persuni li wkoll kienu fil-korpi qabel l-1979 u wara ġew impjegati fis-settur pubbliku. 
  • Tapplika wkoll għall-eks ħaddiema tal-Gas Board li kienu ġew trasferiti mal-Korporazzjoni Enemalta meta din twaqqfet. 
  • L-għotjiet huma marbuta mas-snin ta’ impjieg fis-settur pubbliku minn Jannar 1979 sad-data tal-irtirar mix-xogħol.
  • L-1,616 benefiċjarji taħt din l-iskema b’kollox ser jirċievu pagamenti li  jlaħħqu €887,000.
  • B’dawn il-ħlasijiet, fuq medda ta’ erba’ snin il-benefiċjarji tal-iskema jkunu tħallsu aktar minn €3.5 miljun.
  1. Skema għall-eks ħaddiema tax-xatt
  • It-tielet skema tmexxiet mill-Ministeru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali u kienet tapplika għall-eks ħaddiema tax-xatt li kienu liċenzjati bejn l-4 ta’ April tal-1973 u l-ewwel ta’ Ġunju tal-2007.
  • 662 persuna jew l-eredi tagħhom ser jirċievu ħlasijiet li jlaħħqu madwar €2.7 miljun.
  • Dawn il-pagamenti jġibu fit-tmiem din l-iskema li kienet tfasslet mill-Gvern fl-2017 wara ftehim milħuq mal-General Workers’ Union.
  • B’kollox f’sitt snin tħallsu aktar minn €18.5 miljun.

“Bil-ħlasijiet ta’ din is-sena, in-nefqa fuq skemi fejn qed nindirizzaw anomaliji tal-imgħoddi mill-2017 ’l hawn telgħet għal €76.5 miljun. Din l-ispiża tinkludi l-ħlasijiet li saru lill-pulizija bejn l-2017 u l-2020 biex ipattu għal sahra li ma tħallsux tagħha fl-imgħoddi u l-arretrati li ħallasna lill-eks impjegati tal-Malta Electricity Board meta ngħataw id-dritt ex gratia għal pensjoni tat-Teżor,” stqarr il-Ministru Michael Falzon.

Matul is-sena d-dieħla se jkomplu t-twettiq taż-żewġ skemi, li huma wkoll wegħdi elettorali, fejn ser jittieħdu l-ewwel passi biex jiġu indirizzati anomaliji oħra pendenti. Fil-fatt qed jiġu allokati €2 miljun oħra biex gradwalment is-sena d-dieħla jibda jitwettaq dak li ġie mwiegħed.

Ekonomija

Sport