Saturday, December 21, 2024

Aktar minn elf pjanta li jattiraw insetti dakkara f’żewġ ġonna vertikali ġodda

Aqra wkoll

Fl-aħħar ġimgħat, il-Ministeru għall-Ambjent, it-Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar installa żewġ ġonna vertikali fil-Furjana u Ħaż-Żebbuġ.

Dan tħabbar mill-Ministru Aaron Farrugia, li spjega li dawn il-proġetti jaħdmu biex iżidu l-valur tal-komunità, permezz ta’ benefiċċji estetiċi u ambjentali. Mill-perspettiva ambjentali, dawn il-ġonna vertikali jżidu l-kapital tal-bijodiversità tagħna. 

“Komplejna bil-ħidma tagħna biex inħaddru l-postijiet urbani ta’ pajjiżna u ż-żoni ta’ fejn ħafna Maltin jgħixu u ta’ fejn jaħdmu. Għażilna żewġ postijiet għal dawn il-ġonna vertikali b’investiment ta’ ’l fuq minn €20,000, fejn tħawwlu aktar minn elf pjanta fuq bini ta’ skola u klabb sportiv. Dan huwa l-mod ta’ kif it-tfal tagħna wkoll jistgħu jgawdu ambjent aħjar,” qal il-Ministru Farrugia. 

Barra minn hekk, proġetti bħal dawn jgħinu lill-komunitajiet biex jiġġieldu l-impatti tat-tibdil fil-klima hekk kif iservu biex inaqqsu t-temperatura ambjentali u b’hekk inaqqsu l-urban heat island effect.

F’dawn is-siti, tħawwlu total ta’ 1,136 pjanta, li jinkludu lantana, althernatera humilii, althernatera prince, duranta u klin.

Id-Direttur ta’ Proġetti Ambjentali fi ħdan Ambjent Malta Josianne Muscat qalet li l-iskop ta’ dawn il-proġetti ambjentali huwa li nressqu n-natura aktar viċin iċ-ċittadini fil-qalba tal-irħula. L-ispeċi li ntgħażlu għal dawn il-ġonna vertikali għandhom ukoll l-għan li jattiraw insetti dakkara.

Ekonomija

Sport