Friday, November 15, 2024

Aktar minn erba’ miljun Ukreni mxerrda mal-Ewropa

Il-Kunsill Ewropew jestendi l-protezzjoni temporanja tagħhom sa Marzu tal-2026…

Aqra wkoll

Gwerra hija waħda mir-raġunijiet reali u validi għal immigrazzjoni hekk kif ċittadini f’periklu jkollhom jitilqu art twelidhom biex litteralment jibqgħu ħajjin. Dan huwa l-każ ta’ 4.1 miljun Ukreni li sabu refuġju f’diversi pajjiżi tal-Unjoni Ewropea (UE) kawża tal-invażjoni Russa li bdiet fi Frar 2022.

Bl-aktar pajjiż li ospita taħt protezzjoni temporanja jkun il-Ġermanja, dawn iċ-ċittadini Ukreni kienu se jgawdu dan l-istatut sa l-4 ta’ Marzu 2025 iżda, hekk kif is-sitwazzjoni f’pajjiżhom għadha volatili, il-Kunsill Ewropew adotta d-deċiżjoi li jestendi din il-protezzjoni temporanja sa sena wara, jiġifieri sal-4 ta’ Marzu 2026.

F’Malta għandna ħafna ċittadini Ukreni li minkejja t-tbatija u l-weġgħa li jitilqu minn pajjiżhom f’ċirkostanzi daqstant traġiċi, xorta waħda integraw tajjeb u qegħdin jipprovaw jgħixu ħajja normali kemm jista’ jkun. Illum. l-Ukreni f’pajjiżna jaħdmu, jibagħtu t-tfal l-iskola, jissoċjalizzaw u huma parti mis-soċjetà multikulturali li għandu pajjiżna.

Dan il-multikulturaliżmu, avolja f’dan il-każ mhux b’għażla iżda bi bżonn, huwa mħaddan ukoll f’diversi pajjżi membri tal-Unjoni Ewropea. Minn statistika speċifika mill-Eurostat dwar l-ammont ta’ Ukreni li ħarbu mill-Ukrajna konsegwenza tal-gwerra u ngħataw protezzjoni temporanja jirriżulta li tista’ tgħid, il-maġġorparti tal-pajjiżi tal-UE għandhom ċittadini Ukreni fihom.

Il-Ġermanja l-aktar li laqa’ Ukreni

Minn informazzjoni li tkopri sal-31 ta’ Lulju 2024, instab li ftit aktar minn 4.1 miljun ċittadin mhux tal-UE, kellhom status ta’ protezzjoni temporanju fil-Blokk Ewropew. Il-pajjiżi tal-UE li ospitaw l-ogħla numru ta’ benefiċjarji ta’ protezzjoni temporanja mill-Ukrajna fl-aħħar ta’ Lulju 2024 kienu l-Ġermanja b’total ta’ 1,110 600 ruħ, li jikkwantifika għal 26.9% tat-total tal-UE.

Warajh ikklassifikaw fit-tieni post il-Polonja li qiegħda tospita 976,205 Ukreni (23.7%) u wara r-Repubblika Ċeka b’total ta’ 369,610 persuna (9.0%).
Meta mqabbel mal-aħħar ta’ Ġunju 2024 l-akbar żidiet assoluti fin-numru ta’ benefiċjarji ġew osservati fil-Polonja (+10,430; +1.1%), ir-Repubblika Ċeka (+8 834; +2.4%) u r-Rumanija (+4,250; +2.6). %). In-numru ta’ benefiċjarji naqas fil-Lussemburgu (-470; -11.0%) u fi Franza (-470; -0.8%).

Minn Lulju 2024, il-Ġermanja naqqas mill-ammont ta’ persuni taħt protezzjoni temporanja li l-istatut ta’ protezzjoni temporanja tagħhom ma baqax validu minħabba li jew ingħataw status ta’ protezzjoni ieħor jew inkella telqu mit-territorju Ġermaniż b’mod definittiv.

Meta mqabbel mal-aħħar ta’ Ġunju 2024 dan wassal għal tnaqqis sinifikanti fin-numru ta’ persuni taħt protezzjoni temporanja rrapportati mill-Ġermanja, bi tnaqqis ta’ 236,925 persuna (-17.6 %).

In-nisa adulti kienu kważi nofs it-total…

Meta mqabbel mal-popolazzjoni ta’ kull pajjiż tal-UE, l-ogħla ammont ta’ Ukreni bi protezzjoni temporanja għal kull elf ruħ fl-aħħar ta’ Lulju 2024 kien osservat fir-Repubblika Ċeka (33.9), segwit mil-Litwanja (27.4) u mill-Polonja (26.7). Filwaqt li, iċ-ċifra korrispondenti fl-UE, il-livell kien ta’ 9.2 għal kull elf ruħ.

Irriżulta wkoll li sal-31 ta’ Lulju 2024, iċ-ċittadini Ukreni kienu jirrappreżentaw aktar minn 98% tal-benefiċjarji ta’ protezzjoni temporanja. In-nisa adulti kienu kważi nofs it-total tal-benefiċjarji tal-protezzjoni temporanja fl-UE b’45.3%; mentri t-tfal kienu jammontaw għal kważi terz (32.4%) u li l-perċentwal tal-irġiel adulti kien ta’ 22.4% tat-total.

Ekonomija

Sport