Studju li sar mill-Kamra tal-SMEs juri li 44% tan-negozji qed jistennew li s-sena 2022 se tkun aħjar milli kienet is-sena l-oħra. Dan filwaqt li 39% ta’ negozji oħra jemmnu li se jibqgħu fl-istess livell u 17% sostnew li din is-sena se tkun agħar minn dik ta’ qabilha.
Dan l-istudju sar fil-kuntest li l-pandemija għadha bogħod milli wieħed jgħid li ntemmet. Huwa ta’ sodisfazzjon li dawk li qed jittamaw li din is-sena se jkunu aħjar mis-sena l-oħra huma ferm ikbar minn dawk li jew se jibqgħu fejn kienu inkella se jibqgħu għall-agħar.
F’dan l-istudju, li sar bejn l-10 u s-27 ta’ Jannar li għadda, ħadu sehem fih xejn inqas minn 250 negozju. Minn dawn, 16% jimpjegaw aktar minn 50 impjegat, 30% jimpjegaw bejn 10 u 49 impjegat, 41% bejn 1 u 9 impjegati u 13% qalu li jaħdmu għal rashom.
Mill-istudju ħareġ li l-livell tal-bejgħ kif ukoll l-inċertezza minħabba l-pandemija tal-Covid-19 kienu fost l-ikbar tħassib għan-negozji. Ħareġ ukoll li 71% tan-negozji qalu li huma favur li jitnaqqas il-perjodu ta’ kwarantina. Il-maġġoranza tan-negozji qablu wkoll li l-Covid-19 irridu nitgħallmu ngħixu biha.
39% tan-negozji qalu li fl-2021 żdidilhom il-bejgħ fuq is-sena ta’ qabel bi 30% jew aktar, 23% qalu li baqgħu fl-istess livell mentri 33% qalu li naqsilhom il-bejgħ bi 30% jew aktar.
Il-maġġoranza tan-negozji nnutaw ukoll li kien hemm aktar stabbilità meta mqabbel mal-2020 u li reġgħet żdiedet il-kunfidenza fost il-konsumaturi.
Ir-raġunijiet ewlenin li semmew in-negozji li wasslu għat-tnaqqis fil-bejgħ kienu l-Covid-19, in-nuqqas fl-infiq, iż-żieda fil-prezzijiet u r-restrizzjonijiet marbuta mal-ivvjaġġar fost oħrajn.
Mistoqsija xi pjani għandhom għall-2022, 26% tan-negozji qalu li ħa jibqgħu kif inhuma, 16% għadhom inċerti x’se jagħmlu u 12% qalu li se jespandu n-negozju tagħhom f’pajjiżna.
L-isfidi ewlenin li se jħabbtu wiċċhom magħhom din is-sena huma ż-żieda fil-prezzijiet b’mod inġenerali, l-irkupru tal-Covid-19 u l-inċertezza marbuta mal-elezzjoni ġenerali fost oħrajn.
Sadanittant, il-Kamra tal-SMEs ressqet numru ta’ proposti li temmen li jistgħu jtejbu l-operat tan-negozji għall-2022 fosthom it-tnaqqis fit-taxxa u li l-perjodu ta’ kwarantina jinżel għal ħamest ijiem.