Il-Prim Ministru Robert Abela sostna li l-ġid mit-tkabbir ekonomiku irid ikompli jasal għand kulħadd billi jinħolqu opportunitajiet wiesgħa biex tkompli tissaħħaħ il-qagħda tal-ħaddiema. Dr Abela saħaq dan fi żjara fil-fergħa tal-MaltaPost fix-Xewkija, fejn iltaqa’ ma’ aktar ħaddiema fosthom dawk b’diżabbiltà, li jammontaw għal iżjed minn tliet kwarti tal-ħaddiema li jaħdmu f’din il-fergħa postali.
B’mod partikolari l-Prim Ministru segwa x-xogħol ta’ dawn il-persuni f’fergħa li toffri diversi servizzi fosthom stampar u scanning ta’ dokumenti lil intrapriżi kbar u klijenti individwali. Innota kif aktar persuni b’diżabbiltà qed jikkontribwixxu fl-ekonomija billi jkunu parteċipi fis-suq tax-xogħol u l-aħħar statistika uffiċjali għax-xahar li għadda wriet ukoll li n-numru ta’ persuni b’diżabbiltà jirreġistraw għax-xogħol reġa’ naqas.
Il-Prim Ministru Robert Abela rrimarka fuq l-impenn tal-Gvern li jkompli jinċentiva lil min iħaddem biex aktar persuni b’diżabbiltà mhux biss jaħdmu iżda saħansitra jtejbu l-ħiliet. Hawn innota l-ambjent offrut f’din il-fergħa postali f’Għawdex u l-kollaborazzjoni mħaddna ma’ JobsPlus u l-Fondazzjoni Lino Spiteri.
Il-Prim Ministru Abela sostna li rridu nibqgħu nemmnu fil-kapaċitajiet ta’ kulħadd u nsaħħu programmi bħal dak INK, li qed ikompli joħloq numru ta’ opportunitajiet ta’ taħriġ u xogħol għall-persuni b’diżabbiltà. “L-impjieg għall-persuni b’diżabbiltà ma jfissirx biss titjib fil-kwalità tal-ħajja li tibqa’ punt importanti fit-tħaddin tal-politika soċjali tagħna iżda ix-xogħol jfisser ukoll dinjità”, saħaq il-Prim Ministru Robert Abela. F’dan il-kuntest spjega li l-Gvern se jibqa’ jassisti u jinċentiva lil min iħaddem biex jimpjega persuni b’diżabbiltà.
Min-naħa tagħha, it-tmexxija tal-MaltaPost qalet li l-faċilità fix-Xewkija tissodisfa r-rekwiżiti regolatorji u leġiżlattivi biex tipprovdi l-faċilitajiet neċċessarji ta’ aċċessibbiltà fuq il-post tax-xogħol u hija kburija bil-fatt li t-tim li jamministra l-faċilità qed jaħdem b’qalbu kollha biex jara li dan il-proġett jibqa’ għaddej b’mod effiċjenti. Jakkumpanjaw lill-Prim Ministru fiż-żjara kien hemm il-Ministru għall-Inklużjoni, il-Volontarjat u d-Drittijiet tal-Konsumatur Julia Farrugia Portelli u l-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri.