Wednesday, May 15, 2024

AKTAR PULIZIJA TAL-KOMUNITÀ GĦAL AKTAR SERĦAN IL-MOĦĦ

Aqra wkoll

Għadu kif tħabbar li s-servizz ta’ Pulizija għall-Komunità ġie estiż għal tmien lokalitajiet oħra, u b’hekk dan is-servizz qed ikun provdut f’75% ta’ Malta u Għawdex. Nisimgħu kummenti pożittivi mingħand ċittadini li joqogħdu f’diversi rħula fejn dan is-servizz ġie attwat mill-bidu tal-ħolqien tiegħu li jfaħħru t-twettiq ta’ dan is-servizz u l-ħidma ta’ dawn il-pulizija li jgħinu jżommu l-lokalitajiet tagħna aktar siguri.

Spiss tkun għaddej bil-mixi jew bil-karozza u tarahom iduru mit-triq li tinzerta għaddej minnha u mhux l-ewwel darba li konna xhieda tagħhom jgħinu lil xi persuna speċjalment xi anzjan/a jew bi bżonnijiet speċjali, kif ukoll tfal jaqsmu t-triq jew jagħtu daqqa t’id f’sitwazzjonijiet partikolari.

Permezz ta’ dan is-servizz ġdid f’Malta qed tinbena relazzjoni bejn il-pulizija u l-komunità kif ukoll aktar kollaborazzjoni bejn il-Pulizija, il-Kunsilli Lokali u ċ-ċittadini għal ħidma konġunta favur bliet u rħula siguri. 

Tant li r-residenti f’dawn il-komunitajiet se jkollhom isem u kunjom dawn il-pulizija biex b’hekk ikunu jistgħu anke jikkomunikaw magħhom permezz tal-mezzi soċjali u jaqsmu l-informazzjoni flimkien.

Relazzjoni b’differenza minn kif sa ftit taż-żmien ilu, il-maġġoranza tagħna ċ-ċittadini konna nħarsu lejn il-membri tal-korpi dixxiplinati. Persuni li b’ħidmiethom qed iservu ta’ aktar serħan il-moħħ fostna hekk kif dan is-servizz inissel sens viżibbli ta’ sigurtà permezz ta’ spezzjonijiet kontinwi fit-toroq.

Minkejja li l-popolazzjoni u t-turisti f’pajjiżna żdiedu dan is-servizz flimkien ma’ oħrajn qed iwassal biex pajjiżna qed jara rata inqas ta’ kriminalità. 

L-aħħar lista ta’ lokalitajiet fejn żdied is-servizz huma: Ħaż-Żabbar, ix-Xgħajra, Marsaskala, San Ġwann, iż-Żurrieq, il-Qrendi, Ħaż-Żebbuġ u s-Siġġiewi. Permezz ta’ din l-estensjoni, il-Pulizija qed tasal għal mira ambizzjuża sabiex sal-aħħar tas-sena d-dieħla, dan is-servizz ikun f’kull lokalità f’pajjiżna.

Sport