Il-ġenerazzjonijiet l-aktar avvanzati fiż-żmien, sa forsi dawk li twieldu fid-disgħinijiet jafu jiddarsu meta ssemmilhom li hemm bżonn li nissikkaw iċ-ċintorin. Hija xi ħaġa tajba li nqata’ ċertu abbuż mill-ġenituri li forsi seta’ kien esaġerat meta kkumparat mal-iżbalji li jkunu saru minn uliedhom. Illum il-ġurnata t-tfal, fil-biċċa l-kbira tagħhom huma konxji li jistgħu jfittxu l-għajnuna jekk jagħti l-kas li jiġu ripetuti ċertu abbużi tal-passat. Nemmnu xorta waħda li minkejja l-ħażin kollu li kienet iġġib magħha ċertu mġiba meta jintilef il-kontroll, li dak li jkun kien jiddarras iżjed bil-konsegwenzi ta’ ċertu għemil u forsi kien jaħsibha darbtejn qabel jagħmel xi ħaġa li tista’ tpoġġi fil-periklu lilu jew lil ta’ madwaru.
Forsi għad hemm min jassoċja lil dawk li kienu jagħtu d-daqqiet bir-riga jew jibagħtu lit-tfal wiċċhom mal-ħajt ma’ dawk li huma inkarigati mill-ħarsien tal-buon ordni. Għad hawn min iħares lejn il-Pulizija u s-suldati fost uffiċjali oħra bħala n-nies li moħħhom biex jaqbduna fil-fatt u joħorġu s-sanzjonijiet rispettivament. Fil-verità tkun soċjetà ħafna isbaħ kieku dak li jkun iġib rispett l-ewwel u qabel kollox lilu nnifsu, iżda anke lil dawn in-nies li fil-verità huwa fid-dover tagħhom li jiġbdu l-attenzjoni fejn tkun qiegħda tinkiser il-liġi.
L-Erbgħa li għadda kuntistabbli seta’ jgħoddha b’waħda wara li safa mtajjar minn persuna mfittex mill-pulizija waqt li dawn tal-aħħar kienu qegħdin jiġru warajh biex jarrestawh. Huwa fatt li l-kuntistabbli seta’ kien ċittadin komuni, iżda huwa fatt ukoll li bid-daqqa li ħa, kif qal hu stess f’kitba li għamel fl-aħħar sigħat, seta’ anke baqa’ tal-post. Mhux talli hekk, talli l-persuna li tajru baqa’ sejjer wara li ħabat fih u lil hinn minn jekk kienx ħallih tal-post jew le, kompla bil-ħsieb ewlieni tiegħu li jaħrab mill-pulizija anke jekk ikkawża ħsarat fuq karozzi ta’ persuni oħra li lanqas kellhom x’jaqsmu.
F’każ ieħor li seħħ il-Ġimgħa, il-Pulizija kellhom mill-ġdid jieħdu ċertu azzjonijiet waqt li ppruvaw iwaqqfu persuna b’rabta ma’ droga. Dan l-istess bħal ta’ qabel, irreżista l-arrest u kkawża ħsarat fuq karozzi oħra sakemm ġie ċċirkondat mill-Pulizija u arrestat.
L-abbuż mill-alkoħol hija problema oħra li jeħtieġ li tiġi indirizzata b’serjetà akbar. Il-persuni li jitressqu l-qorti wara li jkunu aggredew uffiċjali tal-pulizija mhumiex wieħed jew tnejn. Li ssir ħsara fuq karozzi tal-Korp hija xi ħaġa inaċċettabbli, iżda għandu ċertament ikun hemm tolleranza żero f’każi fejn persuni xurbana jerfgħu idejhom fuq dawn il-persuni waqt il-qadi ta’ dmirijiethom. Nemmnu li hemm mod u mod kif tieħu pjaċir u għalkemm dak li jkun jista’ jirraġuna li se joħroġ u jieħu żewġ grokkijiet biex jaqta’ ftit mill-ansjetà ta’ matul il-ġimgħa u jieħu siegħa pjaċir, ħaddieħor li mhux kapaċi jikkontrolla huwa biss ta’ periklu għalih innifsu u għall-oħrajn.
Nemmnu li mhux ġust li kulħadd jinxteħet fl-istess qoffa, iżda nemmnu li fejn jidħol l-abbuż mill-alkoħol u sustanzi oħra, għandu jkun hawn aktar issikkar biex is-soċjetà tkun waħda aktar sigura fejn kull individwu, ġej mil-liema lokalità ġej, iħossu sigur joħroġ x’ħin jixtieq jagħmel żewġ passi mingħajr biża’ li jista’ jingħata fastidju.
Nemmnu wkoll li l-għajnuna hija ċ-ċavetta biex jissolvew ċertu problemi ta’ ansjetà. Ma nistgħux naħbu l-fatt li f’soċjetà li għadha ħierġa minn sentejn ta’ pandemija, kif kien imbassar, żdiedu l-kumplikazzjonijiet relatati mal-mard mentali u dawk li jħossuhom mtaqqlin mill-ħsibijiet m’għandhomx jirrikorru għall-abbużi biex jaħarbu mill-problemi iżda jfittxu l-għajnuna tal-professjonisti.
Jeħtieġ li bħala soċjetà niġbdu ħabel wieħed u minflok ninħlew nippuntaw subgħajna jkun iżjed għaqli jekk nfittxu li nilħqu lil dawk fix-xifer qabel jgħaxxquha. Huwa inaċċettabbli li persuna taħt effetti ta’ alkoħol jew sustanzi oħra tkun ta’ periklu għal ħaddieħor, iżda m’għandu jkun qatt li persuna tinnota persuna fix-xifer u tħalliha tegħreq fi ħsibijietha sakemm fl-aħħar mill-aħħar tagħżel li tagħlaq il-kapitlu tagħha darba għal dejjem.