Thursday, August 21, 2025

Aktar riżultati pożittivi għat-turiżmu f’’Għawdex

Aqra wkoll

Il-gżira Għawdxija qiegħda tkompli tikber u tissaħħaħ bħala destinazzjoni turistika kemm għall-Maltin kif ukoll għall-barranin. Fil-fatt, l-ivvjaġġar bejn iż-żewġ gżejjer baqa’ jirreġistra riżultati mill-aktar pożittivi. Dan rajnieh għal darba oħra matul il-perjodu tal-festi ta’ Santa Marija.

Fil-fatt, jirriżulta li matul il-ġimgħa li għaddiet, kien hemm total ta’ 139,542 passiġġier li qasmu minn u lejn Għawdex, li jfisser żieda ta’ aktar minn 3,800 passiġġier fuq l-istess perjodu tas-sena li għaddiet. B’kollox, il-Gozo Channel għamlet 704 vjaġġi bejn il-gżejjer fil-perjodu msemmi u bejniethom ġarrew ’il fuq minn 46,600 vettura.  

Dawn ir-riżultati jkomplu jibnu fuq ix-xhur ta’ qabel, li kienu wkoll pożittivi kif stqarr magħna l-Kap Eżekuttiv tal-Assoċjazzjoni Għawdxija għat-Turiżmu Joe Muscat, li enfasizza wkoll il-valur strateġiku tal-ġimgħa ta’ Santa Marija.

Għawdex ma jiddependix biss fuq it-turisti imma s-suq domestiku huwa daqstant ieħor importanti, u dan b’referenza għall-Maltin li jżuru jew imorru joqogħdu fil-gżira, li hu parti fundamentali mill-ekosistema turistika. Ħafna minn dawn il-viżitaturi jagħżlu li jqattgħu din il-ġimgħa fi djar tal-familja jew f’appartamenti li huma stess ikunu xtraw snin ilu. 

Parti intrinsika minn dan is-suċċess huwa d-diversi attivitajiet li jsiru f’dan il-perjodu u li għalihom attendew eluf ta’ persuni. Minbarra l-festa tradizzjonali ta’ Santa Marija, li tiġi organizzata mill-Katidral t’Għawdex, għal sena oħra saret il-Wirja tal-Biedja u s-Snajja’ fir-Rabat Għawdex fost oħrajn. Dawn l-attivitajiet jingħaqdu mal-kullana ta’ attivitajiet oħra li jsiru f’Għawdex matul is-sena kollha, li qegħdin jattiraw lejhom udjenzi kbar mhux biss nies mil-lokal u Maltin imma wkoll turisti.

Madanakollu, l-enfasi issa qiegħda tkun mhux biss fuq it-tisħiħ tat-turiżmu, li qiegħed isir, imma wkoll illi jkunu attirati wkoll turisti ta’ kwalità. Nifhmu li meta l-pajjiż jirnexxilu jiġbed lejh turisti ta’ kwalità, se jkun qiegħed igawdi Għawdex ukoll. 

Għalhekk, b’dan kollu f’moħħna u bir-riżultati li qed jinkisbu, ninsabu ottimisti li għaż-żmien li ġej, Għawdex se jkompli jiddiversifika fis-sbuħija naturali u unika tiegħu biex verament jibqa’ jkun il-ġawhra f’nofs il-Mediterran. 

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport