Monday, December 23, 2024

AKTAR SUĊĊESSI GĦAD-DWANA

Aqra wkoll

Istituzzjoni importanti f’pajjiżna hi d-Dwana, li tassigura li dak kollu li jidħol u joħroġ minn Malta jkun skont ir-regolamenti u l-liġijiet ta’ pajjiżna. Il-ħidma tad-Dipartiment tad-Dwana fl-aħħar xhur kompliet tikseb suċċessi kbar, l-aktar f’dak li huwa qbid ta’ kuntrabandu ta’ kull xorta u konfiski ta’ drogi perikolużi.

L-aħħar ħidma b’suċċess li wettqet kienet il-qabda ta’ 270 kilogramma kokaina fil-Freeport aktar kmieni din il-ġimgħa. Permezz tal-investiment li sar f’tagħmir sofistikat bħalma huwa l-iscanner, id-Dwana rnexxielha tinterċetta żewġ kontejners li fihom instab li kien hemm l-imsemmija droga.

Dan kollu jixhed li dan l-investiment qed irendi u jħalli riżultati konkreti fil-ġlieda kontra t-traffikar tad-droga. Kif diġà semmejna l-qbid tad-droga huwa wieħed biss fost il-ħidma li twettaq id-Dwana.

Hija wkoll qed taħdem b’mod intensiv biex ukoll taqbad il-ħruġ ta’ ammonti eċċessivi ta’ flus minn pajjiżna. F’dawn l-aħħar żminijiet mhux darba jew tnejn li d-Dwana interċettat nies fl-ajruport li kienu ħerġin minn Malta b’ammonti kbar ta’ flus bi ksur tal-liġi. 

Minbarra dan, hemm ukoll l-interċettar u l-qbid ta’ għadd ta’ oġġetti foloz bħalma huma żraben u ħwejjeġ li fuqhom ikollhom il-marka ta’ ditti rinomati. Każi ta’ qbid bħal dawn jagħti isem lil Malta bħala pajjiż li mhux kulħadd jista’ jaqbad u jiġi hawn idaħħal li jrid bħal donnu ma ġara xejn.

Ninnutaw b’sodisfazzjon il-koperazzjoni li d-Dwana ta’ Malta ssib u li tagħti lil Dwani oħra kemm dawk fil-kontinent Ewropew u anke lil hinn fosthom il-Kanada mnejn għal xi żmien kienu qed jinsterqu karozzi lussużi biex jinbiegħu fid-dinja Għarbija.

F’dawn il-każijiet Malta kienet strumentali biex jitfarrak ċirku kriminali ta’ serq ta’ karozzi mill-Kanada.

Fuq livell nazzjonali dan il-qbid kollu speċjalment ta’ droga jawgura tajjeb u jirrifletti s-serjetà li l-awtoritajiet qed jagħtu lill-ġlieda kontra t-tixrid tad-droga sew Malta u anke barra. Huwa għalhekk importanti li l-investiment fid-Dwana jibqa’ għaddej, ħalli jkompli jinkoraġġixxi aktar sigurtà f’livelli differenti ta’ pajjiżna.

Ekonomija

Sport