Friday, May 3, 2024

Juventus jistgħu jiftħu beraħ it-taqtigħa għar-raba’ post

Aqra wkoll

Meta tintlagħab is-37 ġurnata jew aħjar dik ta’ qabel l-aħħar tal-Kampjonat Taljan, Juventus jistgħu jiftħu beraħ it-taqtigħa għar-raba’ pożizzjoni.  

Matul din il-ġimgħa, Juventus tnaqqsulhom 10  punti biex niżlu fis-seba’ post tal-klassifika hekk kif il-Qorti Fe­derali tal-Appell tat il-verdett tagħha dwar l-iskandlu tal-qligħ kapitali.

Peró, jekk kien hemm antiċipazzjoni li sfaw eliminati minn post fil-UEFA Cham­pions League, kollox jid­­dependi mill-konfront tagħ­­hom kontra Milan. 

Fis-sitwazzjoni tagħhom xejn għajr minn rebħa ma tissodisfa l-kriterji tagħ­hom. 

Għaldaqstant, jekk huma jegħlbu lil Milan, li jinsabu fir-raba’ post, huma jnaqqsu d-distakk għal żewġ punti biex jibqgħu jittamaw li fl-aħħar ġurnata Milan jiġu megħluba f’darhom minn Ve­rona … diffiċli imma fil-football kollox huwa possibbli. 

Aktar minn hekk, jekk il-Bianconeri jegħlbu lir- Rossoneri, jidħlu biċ-ċans ukoll Atalanta u Roma. 

Jekk Atalanta jegħlbu lil Inter barra minn darhom, il-Bergamaschi jilħqu lil Milan filwaqt li jekk Roma joħorġu rebbieħa għand Fiorentina, huma jnaqqsu d-distakk għal punt fil-konfront ta’ Milan.  

Lazio v Cremonese – Wara li Juventus tniżżlu fis-seba’ post, Lazio aċċertaw posthom fil-UEFA Cham­pions League u għalaqstant il-partita kontra Cremonese hija formalitá.

Inter v Atalanta – Friski mis-suċċess tar-rebħa tal- Coppa Italia meta fil-finali għelbu lil Fiorentina bl-iskor ta’ 2-1, Inter jilqgħu lil Atalanta li joħorġu għal reb­ħa minħabba li dan huwa l-aħħar ċans biex jibqgħu fit-tiġrija biex itemmu fir-raba’ post. 

Peró, min-naħa l-oħra punt ikun biżżejjed għal Inter biex jaċċertaw posthom fl-aqwa kompetizzjoni Ewropea.   

Iżda dan huwa konfront delikat għan-Nerazzurri li jridu jibżgħu għall-players minħabba li l-konċentraz­zjoni ewlenija issa hija l-finali tal-UEFA Champions League kontra Manchester City. 

Bologna v Napoli – Iċ- champions il-ġodda Napoli jmorru għand Bologna mingħajr l-ebda pressjoni hekk kif il-Partenopei qed jistennew tmiem il-ġimgħa li ġej biex jiffesteġġaw ir-rebħ tal-kampjonat fil-belt tagħhom stess meta ssir il-preżentazzjoni tat-trofew. 

Madankollu wieħed jista’ jgħid li dan mhuwiex mument pożittiv għal Napoli minħabba li filwaqt li d-dirett sportiv, Cristiano Giuntoli, laħaq ftehim biex jingħaqad ma’ Juventus, bosta players qed juru x-xewqa li jridu jħallu lill-club. 

Sport