Tuesday, April 23, 2024

Tnejn minn Everton, Leicester jew Leeds se jiġu relegati

Aqra wkoll

Għada fis-7.15 pm se jinżel is-siparju tal-Premier Lea­gue Ingliż bl-ikbar inte­ress li fadal huwa konċentrat fuq ir-relegazzjoni meta tnejn mit-tliet timijiet involuti, Everton, Leicester City jew Leeds United se jingħaqdu ma’ Southampton fiċ-Championship fl-istaġun li ġej.

B’Manchester City jissiġillaw it-titlu għat-tielet sena wara l-oħra u b’Arsenal itemmu fit-tieni post, kien għad fadal jiġu magħrufa ż-żewġ timijiet li se jingħaqdu magħhom fil-UEFA Cham­pions Lea­gue.

Dawn saru magħrufa din il-ġimgħa meta Newcastle kisbu l-punt li kellhom bżonn fid-draw 0-0 kontra Leicester nhar it-Tnejn waqt li Manchester United ingħaqdu magħhom b’rebħa enfatika ta’ 4-1 fuq Chelsea nhar il-Ħamis.

Dan ifisser li Liverpool u Brighton se jieħdu ż-żewġ postijiet fl-Europa League bis-Seagulls jaċċertaw post­hom fid-draw 1-1 kontra ċ-       champions l-Erbgħa li għadda fejn għal darb’oħra taw wirja stupenda u għal ftit ma spiċċawx bit-tliet punti.

Rigward il-parteċipazzjoni fl-Ewropa, li għad fadal huwa li jkun magħruf it-team li se jieħu sehem fil-Conference League li għalih hemm tliet timijiet, Aston Villa li għandhom 58 punt, Tottenham 57 u Brentford 56.

B’kumbinazzjoni l-ebda wieħed minnhom m’għandu xi logħba faċli fejn il-Villa jilqgħu lil Brighton li ġejjin minn tliet rebħiet, draw u żewġ telfiet. 

Min-naħa tat-team ta’ Unai Emery huma qasmu l-aħħar sitt logħbiet ugwali jiġifieri ħa­du żewġ rebħiet u żewġ draws waqt li sofrew żewġ telfiet.

Tottenham, li għalihom iktar ma l-istaġun jintemm malajr ikun aħjar meta issa ilhom bla manager permanenti wara li neħħew b’mod re­ċiproku lit-Taljan, Antonio Conte, u warajh l-ewwel kien hemm Christian Stellini u wara daħal minfloku l-eks player tagħhom, Ryan Mason, iżda fil-ground l-affarijiet marru mill-ħażin għall-agħar.

Tant hu hekk li mill-aħħar sitt logħbiet ħadu rebħa u draw meta ftit xhur ilu kienu sfidanti għal post fiċ-Cham­pions League.

It-team l-ieħor huwa Brentford li għandhom konfront diffiċli minkejja li se jkunu f’darhom meta se jilqgħu lil Manchester City qabel ma s-Sibt li ġej jiffaċċjaw lil Manchester United fil-finali tal-FA Cup li hija t-tieni tarġa fit-tentattiv li qed jagħmlu biex jirbħu t-treble li tinkludi wkoll iċ-Champions League fejn fil-finali se jiltaqgħu kontra Inter fl-10 ta’ Ġunju.

Mit-tliet timijiet fit-taq­tigħa għall-post fil-Confe­rence League huma l-Bees l-iktar fil-forma meta mill-aħħar sitt ħarġiet kisbu erba’ rebħiet, ġew draw darba u tilfu darba.

Fit-taqtiegħa kontra r-relegazzjoni Everton se jkunu f’Goodison Park biex jilqgħu lil Bournemouth biż-żewġ timijiet jieħdu sitt punti kull wieħed mill-aħħar sitt logħbiet, it-Toffeemen minn rebħa u tliet draws u ċ-Cherries minn żewġ rebħiet.

Logħba delikata tmiss lil Leicester minkejja li se jkunu f’darhom kontra West Ham b’dawn salvi minn kull in­kwiet iżda f’moħħhom ikol­lhom il-finali tal-Conference League tal-Erbgħa li ġej fejn se jiltaqgħu kontra Fioren­tina.

Anke Leeds se jkunu f’darhom kontra Tottenham li kif rajna aktar ‘il fuq se jippruvaw jikkwalifikaw għall-Conference League, li għalihom hija konsolazzjoni żgħira komparata mal-parteċipaz­zjoni fiċ- Cham­pions League.

Kif inhuma l-affarijiet f’dik li hija differenza tal-goals, Everton għandhom -24, Leicester -18 u Leeds -27. Dan ifisser li Everton xejn m’hu tajjeb għalihom ħlief rebħa għax jekk Leicester jirbħu dawn jaqbżuhom bid-diffe­renza tal-goals.

Intant rebħa għat-team ta’ Sean Dyche tkun biżżejjed biex Leicester u Leeds jilagħbu fiċ-Championship fl-ista­ġun li ġej. Dan wara li seba’ snin ilu l-Foxes rebħu l-Premier League u sentejn ilu l-FA Cup.

F’logħbiet oħra Arsenal jilqgħu lil Wolves fl-Emirates Stadium, Chelsea, li kellhom staġun li jridu jinsew malajr kemm jista’ ikun, ikunu f’darhom ukoll kontra Newcastle waqt li Liverpool, li kellhom staġun xejn familjari għalihom, imorru għand r-relegati Southampton, Crystal Palace ta’ Roy Hodgson, jospitaw lil Nottingham Forest, waqt li Manchester United, friski mill-issiġillar ta’ posthom fiċ- Champions League, jilqgħu lil Fulham f’Old Trafford f’logħba li tfakkarna f’dik kontroversjali tal-FA Cup li fiha l-Cottagers kellhom lil Alexandar Mitrovic u lill- manager Marco Silva, jiġu mkeċ­ċija.

Sport