Saturday, December 21, 2024

Aktar Taljani milli Ingliżi jżuru pajjiżna

Il-pandemija tal-Covid-19 taqleb is-suq turistiku

Aqra wkoll

Mill-estimi li ħarġu tal-Budget 2022 ħarġet realtà ġdida u interessanti fejn jidħol is-suq turistiku. Fejn fis-snin ta’ qabel l-akbar ammont ta’ turisti li jżuru Malta kienu dawk mir-Renju Unit, dan l-aħħar stħarriġ juri li fl-ewwel nofs ta’ din is-sena l-akbar ammont ta’ turisti li żaru pajjiżna kienu mill-Italja, il-peninsula ġara tagħna.

Bejn Jannar u Lulju li għadda, l-ammont totali ta’ turisti mill-Italja kien ta’ 48,100 mentri dawk li ġew iżuruna għal vaganza mir-Renju Unit kien ta’ 25,900, ammont li kważi huwa nofs minn dak Taljan.

It-turiżmu mis-suq Ingliż ma tilifx postu biss għal dak ġej mill-Italja, iżda anke mill-Ġermanja fejn fit-tieni post tal-akbar ammont ta’ turisti lejn Malta, irriżulta li mill-Ġermanja f’dawn is-sitt xhur ġew 28,000 turist. Għaldaqstant, kien hemm 2,100 turisti Ġermanizi li ġew Malta aktar minn dawk mir-Renju Unit.

L-istatistika maħruġa bħala Studju Ekonomiku 2021 fil-pubblikazzjoni ta’ “Malta li rridu għal uliedna” turi wkoll l-ammont ta’ turisti mill-cruises kien ta’ 31,400, mill-pajjiżi Skandinavi 9,700 persuna żaru Malta, mentri minn pajjiżi oħra kellna 149,200 turisti oħra.

It-total ta’ infieq mit-turisti li ġew f’dan il-perjodu kien ta’ €246.9 miljuni u bħala akkomondazzjoni, l-aktar li wżaw (60%) kienu appartamenti jew residenzi privati mentri, l-aktar għażla popolari fejn jidħlu l-lukandi, dawk ta’ erba’ stilel kellhom l-ogħla perċentwal – 16.5%.

Informazzjoni oħra li ħarġet minn dan l-istudju hija dik tal-impjiegi fil-lukandi u r-ristoranti fejn irriżulta li fl-ewwel nofs tal-2021 kien hemm 14,489 persuna jaħdmu fihom. Meta mqabbel mal-2019, qabel faqqgħet il-pandemija tal-Covid-19, l-ammont ta’ persuni li kienu impjegati fl-istess oqsma kiien ta’ 15,258.  Din hija differenza inqas minn dik mistennija meta wieħed jikkonsidra l-isifidi u d-diffikultajiet kollha li ġabet magħha globalment l-istess pandemija. 



Ekonomija

Sport