Aktar titjib fis-servizz 1400 u l-Kura Primarja

Se tkompli tissaħħaħ il-kura primarja biex il-pazjenti jinqdew aħjar fil-komunità

Aqra wkoll

Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa, Dr Ian Borg, ħabbar li l-Gvern qed iwettaq diversi inizjattivi sabiex isaħħaħ is-servizz t’għajnuna bit-telefon 1400 u s-servizzi tal-kura fil-komunità permezz taċ-ċentri tas-saħħa u faċilitajiet oħra tad-Dipartiment tal-Primary HealthCare.

F’dawn l-aħħar snin, is-servizz 1400 kompla jissaħħaħ b’aktar tobba, infermiera u ħaddiema oħra biex joffru dan is-servizz bit-telefon, kif ukoll b’aktar riżorsi tekniċi u titjib fis-sistemi amministrattivi. Minn Lulju 2025 sal-lum, dan is-servizz diġà għen aktar minn 59,418 persuna, medja ta’ 124 kuljum.

Is-servizz 1400 jikkumplimenta x-xogħol tant siewi li jsir kuljum mid-Dipartiment tal-Emerġenza tal-Isptar Mater Dei. Il-pubbliku qed ikun imħeġġeġ biex iċempel fuq in-numru 112 meta jkun hemm emerġenza vera. Iżda jekk l-emerġenza hija waħda minuri, jew saħansitra jekk il-persuna ma tkunx ċerta jekk għandiex bżonn servizz tal-emerġenza, għandu jsir kuntatt mas-servizz tal-1400.

Meta persuna tmur l-Emerġenza ta’ Mater Dei, tiġi assessjata f’madwar kwarta. L-istaff jagħti prijorità lil min għandu l-aktar bżonn urġenti. Għalhekk, min ma jkollux emerġenza serja jista’ jkollu jistenna, bħala medja, madwar sitt sigħat.

Permezz tal-linja 1400, persuni li jkollhom bżonn għajnuna medika jistgħu jitkellmu ma’ tobba u infermiera sabiex jiġu ggwidati dwar jekk il-kundizzjoni tagħhom teħtieġx intervent ta’ emerġenza fl-Isptar Mater Dei jew jekk jistgħux jingħataw kura eqreb lejn il-komunità u f’inqas ħin miċ-ċentri tas-saħħa tal-Primary HealthCare.

Is-Sibt filgħodu, id-Deputat Prim Ministru spjega li l-Ministeru għas-Saħħa qed iwettaq diversi ħidmiet biex isaħħaħ dan is-servizz u s-servizzi ta’ kura fiċ-ċentri tas-saħħa u faċilitajiet oħra fil-komunità:

  1. Il-Primary HealthCare qed tkompli tinvesti fit-titjib tal-proċessi tagħha, b’sistemi aktar effiċjenti ta’ patient streamlining, li permezz tagħhom każijiet urġenti jingħataw l-attenzjoni meħtieġa fil-ħin, filwaqt li pazjenti b’kundizzjonijiet mhux urġenti jingħataw appuntament ma’ GP fi żmien qasir. Qed jiġu ppjanati wkoll xogħlijiet ta’ titjib infrastrutturali u tagħmir teknoloġiku ġdid f’diversi ċentri tas-saħħa. 
  2. Permezz ta’ sistema diġitali ġdida, li tinsab ukoll online, dawk li jċemplu 1400 ikunu jistgħu jingħataw ukoll informazzjoni f’ħin reali dwar il-ħinijiet ta’ stennija fiċ-ċentri tas-saħħa, u b’hekk jingħataw l-aħjar parir dwar fejn jistgħu jingħataw l-għajnuna malajr.
  3. Permezz ta’ tibdil li daħal fis-seħħ is-sajf li għadda, it-tobba tal-familja u dawk fiċ-ċentri tas-saħħa llum għandhom għad-dispożizzjoni tagħhom aktar għodod biex isaħħu l-kura li jipprovdu, inkluża l-possibbiltà li jordnaw aktar tipi ta’ testijiet tad-demm kif ukoll ultrasounds, fejn ikun klinikament indikat.
  4. Fiċ-ċentri tas-saħħa, il-Gvern qed jinvesti f’sistemi diġitali innovattivi li jgħinu biex il-pazjenti jingħataw kura f’inqas ħin.
  5. Qed isir ukoll tibdil fis-sistema ta’ kif pazjenti jiġu ggwidati lejn servizzi ta’ kura differenti, fosthom l-Emerġenza fl-Isptar Mater Dei, iċ-ċentri tas-saħħa u s-servizzi ta’ kura fi sptarijiet privati. Wara li ġew meqjusa l-esperjenzi u s-suġġerimenti tal-pazjenti f’dawn l-aħħar snin, il-prassi li persuni li jċemplu 1400 jiġu ggwidati għal kura direttament fi sptarijiet privati qed titnaqqas, sabiex il-pazjenti jingħataw il-kura b’aktar kumdità f’ċentri tas-saħħa eqreb lejn il-komunità fejn jgħixu.
  6. Fl-istess waqt, il-Gvern xorta waħda qed ikompli jsaħħaħ il-kollaborazzjoni mas-servizz tas-saħħa offruti mis-settur privat, permezz ta’ outsourcing ta’ servizzi tal-Isptar Mater Dei lejn sptarijiet privati. Fil-fatt, pazjenti li jkunu ngħataw kura inizjali fid-Dipartiment tal-Emerġenza ta’ Mater Dei xorta waħda jistgħu jibqgħu jiġu riferuti għal interventi kirurġiċi jew kura oħra fi sptarijiet privati, skont il-proċeduri stabbiliti fil-kuntratt eżistenti marbut mas-servizz tal-1400, u b’kunsiderazzjonijiet tekniċi ħalli l-benefiċċji ta’ din il-kollaborazzjoni bejn Gvern u s-settur privat jiġu massimizzati.
  7. Il-Gvern qed jaħdem ukoll biex iżid il-kollaborazzjoni mas-settur privat anke fl-użu tas-swali tal-operazzjonijiet tagħhom, bħala parti minn ħidma biex il-pazjenti jingħataw il-kura fl-inqas żmien possibbli.

Dawn il-miżuri jirriflettu l-impenn kontinwu biex jittejjeb l-aċċess għall-kura tas-saħħa, jitnaqqsu dewmien li jistgħu jiġu evitati u jiġi żgurat li kull pazjent jingħata l-kura xierqa fil-post u fil-ħin it-tajjeb.

Il-pubbliku huwa mħeġġeġ ikompli jagħmel użu mis-servizz 1400 ħalli jkollhom gwida ċara lejn l-aktar servizz tas-saħħa li bih jistgħu jirċievu l-kura li jeħtieġu.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport