Il-Ministru Byron Camilleri u l-Ministru Clint Camilleri jilqgħu lill-Kummissarji Ewropej Piotr Serafin u Glenn Micallef fi żjara li enfasizzat l-importanza tal-investiment Ewropew fl-edukazzjoni

Aqra wkoll

Il-Kummissarju Ewropew għall-Budget, il-Ġlieda Kontra l-Frodi u l-Amministrazzjoni Pubblika, Piotr Serafin, u l-Kummissarju Ewropew għall-Ġustizzja Interġenerazzjonali, Kultura, Żgħażagħ u Sport, Glenn Micallef, żaru l-Iskola Primarja tan-Nadur, Għawdex, fejn ġew milqugħa mill-Ministru għall-Edukazzjoni u l-Isport, Byron Camilleri, flimkien mal-Ministru għal Għawdex, Clint Camilleri.

Din iż-żjara tat opportunità lill-kummissarji Ewropej biex jiltaqgħu mal-istudenti u l-edukaturi, filwaqt li jaraw mill-qrib kif l-investiment permezz tal-fondi Ewropej qed jikkontribwixxi għal ambjent edukattiv aktar modern, aċċessibbli u sostenibbli.

Mal-wasla tagħhom, id-delegazzjoni ġiet milqugħa mill-kap tal-iskola, flimkien mal-amministrazzjoni tal-iskola u l-istudenti, li akkumpanjawhom matul iż-żjara. L-istudenti spjegaw l-istorja wara l-ismijiet magħżula għall-klassijiet permezz ta’ mappa topografika tan-Nadur, filwaqt li d-delegazzjoni kellha l-opportunità żżur diversi klassijiet u titkellem mal-istudenti u l-edukaturi dwar l-esperjenzi tagħhom fl-iskola.

“Din iż-żjara hija opportunità importanti biex nuru kif il-kollaborazzjoni bejn Malta u l-Unjoni Ewropea qed tissarraf f’benefiċċji konkreti għall-istudenti u l-edukaturi tagħna. Huwa ta’ sodisfazzjon li nilqgħu lill-Kummissarji Ewropej Piotr Serafin u Glenn Micallef f’Għawdex, fejn jistgħu jaraw mill-qrib ir-riżultati ta’ investiment li qed jagħmel differenza fil-ħajja ta’ kuljum tat-tfal tagħna. Għalina, l-investiment fl-edukazzjoni huwa investiment fil-futur ta’ pajjiżna. Irridu nkomplu noħolqu ambjenti edukattivi moderni, inklussivi u sostenibbli, li jagħtu lil kull student l-opportunità jiżviluppa l-potenzjal tiegħu. Permezz tal-kollaborazzjoni mal-istituzzjonijiet Ewropej, se nkomplu naħdmu biex l-opportunitajiet u r-riżorsi disponibbli jissarrfu f’aktar investiment ta’ kwalità fl-edukazzjoni, kemm f’Malta kif ukoll f’Għawdex,” qal il-Ministru Byron Camilleri.

Min-naħa tiegħu l-Ministru Clint Camilleri stqarr li, “Ilqajna ż-żewġ Kummissarji Ewropej Piotr Serafin u Glenn Micallef li ġew fil-gżira Għawdxija sabiex jaraw ukoll l-investiment li sar hawnhekk ġewwa l-iskola primarja tan-Nadur anke b’fondi Ewropej. Illum il-ġurnata qed naraw tfal li jattendu f’din l-iskola attrezzata mill-aqwa. Il-pjan tagħna hu li nkomplu kif qegħdin nagħmlu ninvestu fi skola wara l-oħra kif għamilna dan is-sajf fl-iskola ta’ Kerċem se nagħmlu hekk fiż-Żebbuġ u fl-Għarb. L-investiment fl-edukazzjoni huwa investiment fil-futur ta’ Għawdex, u l-ħidma se tkompli tiffoka fuq it-titjib tal-infrastruttura skolastika u l-ħolqien ta’ ambjent li joffri lill-istudenti l-aħjar kundizzjonijiet possibbli għat-tagħlim u l-iżvilupp tagħhom.”

L-Iskola Primarja tan-Nadur hija waħda mill-iskejjel li bbenefikaw minn investiment permezz tal-Pjan għall-Irkupru u r-Reżiljenza ta’ Malta, iffinanzjat minn NextGenerationEU. Dan l-investiment wassal għal titjib estensiv fil-faċilitajiet edukattivi, fl-aċċessibbiltà u fl-effiċjenza enerġetika tal-binja, li llum toffri ambjent aktar komdu u adattat għall-ħtiġijiet tal-istudenti u l-edukaturi.

Fost ir-riżultati miksuba, l-iskola rreġistrat tnaqqis ta’ 82.6% fid-domanda għall-enerġija primarja, filwaqt li l-klassifikazzjoni tal-prestazzjoni enerġetika tagħha tjiebet minn Klassi D għal Klassi A. Il-proġett kien parti minn miżura li kopriet ukoll l-Iskola Primarja ta’ Ħal Għaxaq, b’allokazzjoni totali ta’ €10 miljun.

Matul iż-żjara, id-delegazzjoni ngħaqdet mal-istudenti kollha fil-bitħa ċentrali tal-iskola għaċ-ċerimonja tat-tlugħ tal-bnadar, akkumpanjata mill-kant tal-Innu Nazzjonali Malti, l-innu tal-iskola u l-innu Ewropew.

Iż-żjara serviet ukoll biex tenfasizza l-importanza tal-kollaborazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali u l-istituzzjonijiet Ewropej, partikolarment fl-oqsma tal-edukazzjoni, l-iżvilupp sostenibbli u l-opportunitajiet għall-ġenerazzjonijiet futuri.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport