Thursday, December 26, 2024

Aktar trasparenza u involviment mill-pubbliku: Regolamentazzjoni ambjentali ġodda mnedija għall-konsultazzjoni pubblika

Aqra wkoll

Il-Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u r-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir, flimkien mal-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA), nedew konsultazzjoni pubblika dwar regolamenti ġodda għall-permessi ambjentali. Ir-regolamenti li qed jiġu proposti huma l-ewwel tax-xorta tagħhom minn mindu ġew stabbiliti l-ewwel ligijiet ambjentali f’Malta 30 sena ilu.

Permezz ta’ dawn ir-regolamenti, il-Gvern qed jara li jipprovdi qafas aktar b’saħħtu, ħolistiku u effiċjenti għal dawk li jkunu jeħtieġu dawn il-permessi, u b’hekk jibbenefikaw minnu kemm l-ambjent kif ukoll l-ekonomija. B’dawn il-proposti qed nintroduċu qafas wieħed għall-permessi ambjentali.

“Fl-aħħar ta’ Lulju li għadda, il-Gvern emenda l-Att fuq il-Protezzjoni tal-Ambjent biex tissaħħaħ il-parteċipazzjoni tal-pubbliku, it-trasparenza, u effiċjenza fit-teħid tad-deċiżjonijet ambjentali. Permezz ta’ dawn l-emendi, illum qed nipproponu regolamenti dwar il-permessi ambjentali,” qalet il-Ministru Miriam Dalli waqt laqgħa mal-ġurnalisti.

“L-għan ewlieni dejjem kien iżjed trasparenza u aktar sehem tal-pubbliku fil-ħruġ tal-permessi ambjentali tal-ERA. Dawn ir-regolamenti li qed jiġu ppreżentati huma ambizzjużi, imma bbilanċjati, sabiex ikollna ħarsien ambjentali aktar b’saħħtu u żvilupp ekonomiku sostenibbli. Filwaqt li Malta jeħtieġ tibqa’ tkun kompetittiva sabiex tappoġġja l-aspirazzjonijiet tan-nies u  tegħleb l-isfidi tal-futur, u b’hekk il-protezzjoni tal-ambjent tkun assigurata. U għalhekk qed nipproponu regolamenti biex l-ambjent ikun aktar salvagwardjat,” stqarret il-Ministru Dalli.

Ir-regolamenti l-ġodda jikkategorizzaw l-applikazzjonijiet li jaslu  għand l-ERA skont ir-riskju ambjentali u li jiddeterminaw liema proċessi għandhom jiġu applikati sabiex tiġi pproċessata l-applikazzjoni. Iż-żmien stabbilit għal proċess tal-applikazzjoni huwa speċifiku biex jassigura li l-permessi huma proċessati f’ħin addattat u effiċjenti. L-iskadenza taż-żmien ivarja minn 15-il jum, fejn jidħol l-ipproċessar ta’ permessi ta’ rutina, u jitilgħu sa 270 jum għal permessi ambjentali aktar kumplessi.

Il-Kap Eżekuttiv tal-ERA Kevin Mercieca innota kif “permezz ta’ dawn ir-regolamenti l-ġodda l-ERA se tkun tista’ tistandardizza l-operat tagħha u żżid l-effiċjenza fejn jidħlu proċessi ta’ applikazzjonijiet. Sforzi bħal dawn jikkumplimentaw ukoll il-ħidma tal-ERA f’termini ta’ diġitalizzazzjoni permezz tas-sistema ERIS.”

Filwaqt li jistipulaw li l-permessi jkunu disponibbli online, ir-regolamenti jidentifikaw applikazzjonijiet li jkunu miftuħin għall-pubbliku, fejn il-pubbliku jkun jista’ jissottometti l-proposti tiegħu. Dan jirriżulta f’aktar trasparenza u sehem attiv mill-pubbliku.

Dawn ir-regolamenti se jkunu qed jestendu r-rekwiżiti tal-permessi biex l-attivitajiet li mhumiex regolati issa se jkunu jeħtieġu permess, bi proċess komuni u kkonsolidat. Il-miżati tal-applikazzjoni se tkun qed tiġi riveduta skond il-permessi involuti.

Ekonomija

Sport