Wednesday, July 24, 2024

UCL: Arsenal megħluba minn Porto fil-ħin miżjud

Aqra wkoll

Meta lbieraħ ġie fi tmiemu l-ewwel leg tal-Aħħar 16 tal-UEFA Cham­pions League, FC Porto kisbu rebħa drammatika meta fil-ħin miżjud għelbu lil Arsenal bl-iskor ta’ 1-0. 

FC Porto……….. 1

Arsenal………… 0

F’konfront monotonu, FC Porto rreġistraw rebħa ta’ 1-0  fuq Arsenal proprju fl-aħħar azzjoni tal-partita.

Din il-partita ma pproduċiet l-ebda emozzjoni hekk kif iż-żewġ settijiet ta’ players bdew jannullaw lil xul­xin biex iż-żewġ goalkeepers rari kienu mpenjati.

Peró, fil-21 minuta, fl- ewwel attakk denju Porto kienu sfortunati li ma fetħux l-iskor meta Wenderson Galeno ġie mċaħħad mil-lasta u mir-rebound l- istess player falla l-mira bi ftit.

Iżda wara din l-azzjoni, il-partita baqgħet ‘magħluqa’ u bħal donnhom iż-żewġ timijiet kienu kuntenti bi draw … sakemm fl-94 minuta,  Galeno skorja l-uniku goal tal-partita biex issa l-pressjoni tinsab kol­lha fuq it-team Ingliż.

Napoli………….. 1

Barcelona…….. 1

Napoli u Barcelona spiċ­ċaw fi draw ta’ 1-1 f’logħba pjaċevoli bir-riżultat seta’ mar kull naħa.

Barcelona bdew taj­jeb u ddettaw għal ħinijiet twal iżda b’mod gradwali n-Naplitani kibru fl-istatura u bdew jaqsmu l-logħob mal-avversarji.

L-ewwel ċans tal-partita wasal wara biss sitt minuti mill-player ta’ 16-il sena ta’ Barcelona, Lamine Yamal, meta rċieva mingħand Ilkay Gundogan fil-kaxxa iżda x-xutt imdawwar tiegħu għadda ftit għoli.

Fit-tieni taqsima, Barca ħarġu fuq l-offensiva u fis-60 minuta fetħu l-iskor mill-attakkant Pollakk, Ro­bert Lewan­dow­ski, b’xutt fil-baxx.

Iżda, il-Partenopei għamlu reazzjoni u kisbu d-draw mill-attakkant Niġerjan, Victor Osimhen (75), meta ħa­rab lid-difensur dirett tie­għu … sab l-ispazju u xeħet fix-xibka.

Ekonomija

Sport