Il-proġett tat-tieni interconnector tal-elettriku bejn Malta u Sqallija (IC2) miexi sew. Matul l-aħħar xhur, ix-xogħlijiet fit-terminal Station ta’ Ragusa komplew b’ritmu mgħaġġel. Ġie installat fire tank għall-pompi tat-tifi tan-nar, filwaqt li tlestiet l-installazzjoni u l-immuntar tax-Shunt Reactor il-ġdid ta’ 240 MVAr, inkluż il-bini ta’ ħitan ta’ protezzjoni apposta f’każ ta’ ħruq.
Interconnect Malta issa qed taħdem fuq fażi oħra ta’ xogħlijiet strutturali fit-terminal Station ta’ Ragusa. Dawn ix-xogħlijiet se jirrikjedu l-iżolament temporanju tal-IC1, minħabba it-tip ta’ makkinarju li ser jkun qed jopera fil-viċinanza tal-linji eżistenti ta’ 220 kV. Barra minn hekk hemm bżonn isiru xi xogħlijiet fuq strutturi eżistenti ta’ IC1 sabiex ikun jista’ jiġi installat hybrid gas insulated switchgear ġdid, li se jippermetti li r-reattur il-ġdid ikun jista’ jitqabbad b’mod versatili maż-żewġ interconnectors, skont il-ħtieġa.
Waqt li l-ewwel interconnector ser ikun mitfi ser jitqiegħed cable ta’ 220 kV mill-switchgear sar-reattur ġo trinek li tlestew apposta minn qabel bi tħejjija għal din il-fażi. Hu mistenni li IC1 jintefa’ fil-5 t’ Ottubru u jdum madwar tnax-il jum.
Din il-miżura hi essenzjali sabiex jiġu mħarsa s-saħħa, is-sigurtà u l-benesseri tal-ħaddiema li qed jaħdmu fuq il-proġett f’ambjent fejn hemm riskju għoli minħabba l-preżenza ta’ elettriku b’vultaġġ għoli. Dan se jħares ukoll l-infrastruttura eżistenti tal-interconnector, u jiżgura li x-xogħlijiet ikunu jistgħu jsiru mingħajr ma jiġu kompromessi l-integrità jew is-sigurtà tagħha.
L-interruzzjoni ta’ IC1 u x-xogħlijiet relatati qed jiġu kkoordinati bejn Interconnect Malta, Enemalta, Terna Energy Solutions u l-Operatur tas-Sistema ta’ Trażmissjoni Taljan.
Dawn ix-xogħlijiet ilhom li ġew ippjanati sabiex titkompla l-implimentazzjoni tal-proġett tat-tieni interconnector. Enemalta ħadmet mill-qrib ma’ Interconnect Malta, Terna Energy Solutions u l-Operatur tas-Sistema ta’ Trażmissjoni Taljan biex tiżgura li l-miżuri kollha meħtieġa jkunu fis-seħħ qabel ma jiġi iżolat u jintefa’ b’mod temporanju l-ewwel interconnector.
Matul iż-żmien li fih se jkunu qed isiru x-xogħlijiet, id-domanda għall-elettriku f’Malta se tkun koperta kompletament mir-riżorsi ta’ ġenerazzjoni lokali, b’kapaċità suffiċjenti disponibbli biex tiġi żgurata l-istabbiltà u s-sigurtà kontinwa tal-provvista.
Wara li l-IC1 jerġa’ jinxtegħel, ser jkomplu xogħlijiet addizzjonali fit-terminal station. Dan il-programm ta’ xogħlijiet, li qed jiġi implimentat bir-reqqa f’fażijiet ippjanati, ġie żviluppat f’koordinazzjoni mill-qrib ma’ Enemalta sabiex jiġi żgurat li x-xogħlijiet jitwettqu b’mod effiċjenti filwaqt li jiġi minimizzat it-tfixkil għall-infrastruttura eżistenti.
L-IC2 għandu rwol kruċjali fl-istrateġija tal-enerġija tal-Gvern u huwa identifikat bħala proġett ippjanat taħt il-prijorità “Energy, Climate & Environmental Transformation” tal-Viżjoni ta’ Malta 2050. Il-proġett huwa mfassal biex jirdoppja l-kapaċità ta’ interkonnessjoni tal-elettriku ta’ Malta u jsaħħaħ is-sigurtà tal-provvista nazzjonali.
Billi ser inaqqas id-dipendenza fuq il-ġenerazzjoni lokali tal-elettriku mill-fjuwils fossili u jippermetti użu akbar ta’ enerġija rinnovabbli, l-IC2 ser ikun ta’ sostenn għat-transizzjoni li għaddejja minnha Malta għal enerġija iktar nadifa.
Il-proġett qed jiġi kofinanzjat mill-Unjoni Ewropea permezz tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (ERDF), maħsub biex jikkumplimenta l-isforzi ta’ Malta biex tibni sistema tal-enerġija aktar reżiljenti u sostenibbli.
