Aktar bidliet li nwettquhom viċin in-nies – il-messaġġ tad-Deputati Mexxejja Ian Borg u Alex Agius Saliba fl-ewwel sessjoni tal-Konferenza Ġenerali

Aqra wkoll

Il-Ġimgħa filgħaxija saret l-ewwel sessjoni tal-Konferenza Ġenerali tal-Partit Laburista li għalqet b’diskors tad-Deputat Prim Ministru u Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Parlament Ian Borg u d-Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Partit Alex Agius Saliba.

Dr Ian Borg fakkar li filwaqt li qed ngħixu fi żmien fejn il-poplu huwa fiduċjuż bil-futur tal-pajjiż, hemm inċertezza minħabba l-isfidi ġeo-politiċi. Qal li dan ma ngħiduhx għax irridu naqtgħu qalb in-nies iżda fi sfond ta’ realiżmu u ċertezza li l-Gvern se jibqa’ t-tarka tal-poplu.

Id-Deputat Prim Ministru qal li bħala moviment politiku se nibqgħu umli u nwieġbu għar-realtajiet tan-nies. Qal li l-kredibbiltà tal-Partit tagħna hi dik li jaraw fina l-Maltin u l-Għawdxin li b’mod responsabbli nwettqu l-manifest elettorali kollu f’leġiżlatura sħiħa. Spjega kif dan il-moviment politiku wettaq miraklu ekonomiku wieħed wara l-ieħor li biha kattarna l-fiduċja mill-investituri li għażlu lil Malta.

Dwar is-settur tas-saħħa, id-Deputat Prim Ministru Ian Borg elenka għall-ħidma li għaddejja fi proġetti u introduzzjoni ta’ servizzi biex ikompli jissaħħaħ qasam tant kruċjali fil-ħajja tan-nies. Qal li għall-ewwel darba qed jinbena ċentru ta’ psikjatrija f’Mater Dei u l-proġett tal-estensjoni tal-Emerġenza. Irrimarka wkoll għat-tisħiħ tas-servizz tat-tobba privati tal-familja. Qal li beda u tlesta l-proġett tal-helipad fl-isptar. Semma wkoll il-bidliet fil-liġi tal-IVF u kif irridu nkomplu nwettqu aktar bidliet minkejja li sar ħafna anki fl-ewwel mitt jum ta’ Gvern ġdid.

Id-Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Parlament irringrazzja lil kulħadd għall-attiviżmu fil-Partit Laburista. Qal li biex nibqgħu viċin in-nies, irridu nibqgħu disponibbli għall-ideat tan-nies biex imqar nindirizzaw realtà waħda oħra. Għalhekk fisser dan il-moviment wieħed li wara r-raba’ rebħa konsekuttiva jibqa’ umli u jisma’ mingħand in-nies. Qal li l-viżjoni tagħna hi dejjem waħda favur ħajja aħjar għan-nies.

Min-naħa tiegħu, id-Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Partit Alex Agius Saliba fisser differenza netta bejn Gvern li fl-ewwel mitt jum telaq jimplimenta u jwettaq miżuri favur in-nies u Oppożizzjoni li ntilfet fil-logħob partiġġjan. Dr Agius Saliba semma bidliet importanti li komplejna nwettqu fosthom fis-saħħa bi proġetti li tellaqna, ħidma favur l-ugwaljanza u l-edukazzjoni, l-infurzar favur komunitajiet siguri, fost ħafna ħidma oħra.

Id-Deputat Mexxej Alex Agius Saliba sostna li rridu nibqgħu moviment viċin in-nies u nisimgħu l-familji fil-pjazzez u fit-toroq bis-saħħa ta’ ħidma ta’ kulħadd, mhux b’inqas tal-fergħat fi ħdan il-Partit. Qal li wara r-raba’ rebħa storika, aħna rridu nibqgħu Partit li fih ninjettaw enerġija minn sors wieħed, in-nies li rridu nibqgħu viċin tagħhom.

Dr Agius Saliba spjega li fuq l-għatba ta’ Budget li se jressaq il-Gvern, in-nies għandhom fiduċja sħiħa li se jibqgħu jsibu spalla. Qal li n-nies jafu li Gvern immexxi mill-Prim Ministru Robert Abela mhux se jgħabbi lin-nies bl-awsterità iżda se jibqa’ jkun ta’ spalla għall-familji u n-negozji. Id-Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Partit fetaħ id-diskors tiegħu b’ringrazzjament min-nies li wrew solidarjetà miegħu u sħabu li fl-aħħar jiem spiċċaw vittma ta’ frame-up politiku.

Id-Deputat Mexxej tal-Partit Laburista nnota l-aġir irresponsabbli tal-Kap tal-Oppożizzjoni kif ikkummenta wara proċess ġudizzjarju. Quddiem l-irresponsabbiltà tal-Oppożizzjoni, ir-responsabbiltà fuq il-moviment Laburista tibqa’ tikber. Sostna li l-Partit Laburista jibqa’ s-sid tal-manifest elettorali u jaħdem mal-Gvern biex dan jitwettaq għall-ġid tal-Maltin u l-Għawdxin kollha. Qal li quddiem sfidi internazzjonali, din ir-responsabbiltà tikber aktar.

Intant fl-għeluq tal-ewwel sessjoni tal-Konferenza Ġenerali fetħet il-votazzjoni fl-elezzjoni tal-Eżekuttiv Nazzjonali fejn 32 kandidat qed jikkontestaw biex jiġu eletti 12-il Membru Ordinarju. Il-Konferenza Ġenerali tagħlaq il-Ħadd filgħodu b’diskors tal-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport