Friday, July 26, 2024

Albaniż jinżamm arrestat fuq akkużi ta’ vjolenza domestika

Aqra wkoll

Albaniż ta’ 24 sena nżamm arrestat wara li tressaq il-Qorti mixli b’rabta ma’ każ ta’ vjolenza domestika fuq l-eks sieħba tiegħu. 

Il-Prosekuzzjoni mmexxija mill-Ispettur Sherona Buhagiar spjegat kif fit-22 ta’ Awwissu, it-tfajla flimkien mal-ġenituri tagħha għamlet rapport dwar vjolenza domestika fil-konfront ta’ Rama. 

Fl-istess rapport, it-tfajla qalet minkejja li r-relazzjoni bejnha u bejn l-imputat intemmet, huwa xorta baqa’ javviċinha u saħansitra kien hemm drabi fejn anke tfaċċa quddiem il-bieb tal-post fejn taħdem.

Aktar tard matul is-sena l-Ispettur qalet li l-pulizija daħlilha rapport ieħor mill-istess tfajla fejn allegat li l-eks sieħeb tagħha avviċinaha fuq il-post tax-xogħol u meta raha fil-preżenza ta’ persuna oħra ta’ sess maskili, ħareġ mus għaliha.

L-Ispettur qalet ukoll li riċentament l-Pulizija rċivew rapport li sar minn missier il-vittma, li qal li l-imputat qed joqgħod viċin tagħhom, li qed jibgħatlu l-messaġġi biex iħallih joħroġ mill-ġdid ma’ bintu kif ukoll beda jheddu li se jagħmel xi ħaġa lil bintu jew li se joqtol lilu.

L-Ispettur Buhagiar qalet ukoll li l-Pulizija kienet ilha minn Awwissu tfittex liż-żagħżugħ. Id-difiża mmexxija mill-avukat Lenox Vella, għamlet talba għall-ħelsien mill-arrest, liema talba sabet oġġezzjoni mill-prosekuzzjoni. 

Defrim Rama wieġeb li mhuwiex ħati għall-akkużi miġjuba kontrih. Wara li semgħet s-sottomissjonijiet, il-Qorti preseduta mill-Maġistrat Astrid May Gima, ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest minħabba n-natura tal-każ kif ukoll minħabba li għad fada; xi xhieda x’jixhdu. 

Il-Magistrat Grima qalet li l-Qorti m’għandiex is-serħan tal-moħħ li l-imputat se joqgħod mal-kundizzjonjiet li jkunu imposti fuqu u għaldaqstant ordnat li jibqa’ miżmum taħt arrest preventiv fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin.

Ekonomija

Sport