Saturday, May 4, 2024

Aldrin Cassar konfermat President ta’ Athletics Malta

Aqra wkoll

Aldrin Cassar kien ikkonfermat bħala President ta’ Athletics Malta għas-sentejn li ġejjin waqt il-Laqgħa Ġenerali Annwali ta’ Athletics Malta li saret it-Tlieta filgħaxija fis-Salini Resort, u li fiha ġie elett il-Kunsill li se jservi sas-sena 2026.

Fl-istess laqgħa, iż-żewġ membri oħra tal-Eżekuttiv, Nicolai Portelli u Darren Micallef kienu kkonfermati bħala Segretarju u Teżorier rispettivament. Fir-rigward tat-tliet karigi eżekuttivi, minkejja li dawn ma kienux ikkontestati, it-tliet membri kienu kkonfermati mill-membri permezz ta’ vot sigriet.

Fl-elezzjoni għall-membri l-oħra tal-Kunsill, kienu eletti Antonella Chouhal, Claudette Caruana, Vincent Farrugia, Michelle Micallef, Alan Zammit u Karl Farrugia. Din kienet l-ewwel darba li fl-elezzjoni tal-assoċjazzjoni ġie implimentat mekkaniżmu korrettiv biex jiżgura bilanċ bejn nisa u rġiel fost il-membri mhux eżekuttivi tal-kunsill.

F’intervent tiegħu, Aldrin Cassar ta ħarsa lejn il-ħidma tal-Assoċjazzjoni matul it-terminu tal-Kunsill li wasal fi tmiemu, b’mod partikolari titjib fil-prestazzjoni tal-atleti Maltin, kemm lokalment kif ukoll barra, it-titjib fil-kwalità tal-faċilità sportiva fil-Marsa kif investiment akbar fil-kowċis u fl-atleti. Huwa esprima s-sodisfazzjon tiegħu għaż-żieda sostanzjali fil-parteċipazzjoni ta’ tfal u żgħażagħ fl-atletika li jawgura tajjeb għal dan l-isport.

Huwa esprima l-apprezzament tiegħu lill-Kumitat Olimpiku Malti u Sport Malta għall-appoġġ li jingħata permezz tal-investiment fl-atleti lokali, filwaqt li appella għal aktar appoġġ lejn il-ħidma amministrattiva li dejjem tikber tal-assoċjazzjoni.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport