Saturday, November 30, 2024

It-triathlon huwa sport sabiħ ħafna għax għandek id-diversifikazzjoni bejn għawm, rota u ġiri – Neil Cassar

Aqra wkoll

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn it-triathlon?

L-imħabba tiegħi lejn it-triathlon bdiet ta’ sitt snin meta kien hemm ħabib tiegħi l-iskola u qalli fuq dan l-isport. Jiena xtaqt nippruvah, għidt lil ommi u missieri dawn haduni. Minn dakinhar ma ħaristx lura.

X’suċċessi rbaħt fil-karriera tiegħek sa issa, għalkemm għadek ta’ età żgħira?

Is-sena l-oħra 2023 ġejt l-ewwel fil-BSJ Triathlon series fil-kategorija Tri2.  Din kienet tikkonsisti f’erba’ tlielaq matul is-sena.

Barra minn hekk matul is-sena ħadt sehem fit-tlielaq organizzati mill-Malta Mountain Bike Association fejn ġejt it-tieni fit-2023 XC National Points Series u t-tieni fit-2023 XC National Championships.

Ħadt sehem ukoll fit-tlielaq organizzati mill-Malta Cycling Federation fejn ġejt l-ewwel fl-U12 Road Race u l-ewwel fl-U12 Time Trial.

Bejn is-snin 2022 u 2023 ħadt sehem ukoll f’Duathlons u Triathlons ġewwa Sqallija.

Fit-13 ta’ Frar li għadda, għamilt dawra ma’ Malta bir-roadbike, fejn sirt l-ewwel tifel ta’ 12-il sena li għamiltha. Waqt din l-attivitá għamilt 103.5kms fi tliet sigħat u 58 minuta.

Din kienet maratona b’risq Puttinu Cares. 

X’inhi d-differenza bejn duathlon u triathlon?

Duathlon hija tellieqa li tikkonsisti f’giri u rota, mentri Triathlon tikkonsisti f’tellieqa bejn għawm, rota u ġiri.

Bħala riżorsi fejn titħarrġu, kif tiddeskrivihom?

L-għawm nagħmel taħriġ il-Pixxina Nazzjonali Tal-Qroqq u fis-sajf il-baħar ukoll.

Ir-rota fit-triq mal-kowċ tiegħi u jkollna s-support van misjuq minn missieri u ġieli fuq it-turbo trainer. Il-ġiri fit-trakka jew fit-triq skont il-programm li jagħtini l-kowċ.

Kif jirnexxielek tlaħħaq mal-istudji u t-taħriġ tiegħek?

Kif ikolli naqra ħin sakemm nistenna biex tibda sessjoni ta’ taħriġ, nagħmel xi haga tal-istudju u ġieli anke tard filgħaxija.

Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fit-triathlon?

Nixtieq navvanza aktar f’dan l-isport kemm Malta kif ukoll barra minn xtutna.

Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jibda jipprattika t-triathlon.

It-triathlon huwa sport sabiħ ħafna għax ghandek id-diversifikazzjoni bejn għawm, rota u ġiri. Qatt m’għandek taqta’ qalbek!

Sport