Sunday, October 27, 2024

Alec Felice Pace jaspira li jilgħab barra minn xtutna fis-sajf li ġej

Aqra wkoll

Kif għażilt il-basketball fost tant sport ieħor?

Tista’ tgħid li l-parteċipazzjoni tiegħi fl-isport minn etá żgħira kienet waħda awtomatika. 

Missieri u ommi t-tnejn kienu midħla fix-xena tal- volleyball u n-nannu, il-fa­muż Sammy Nicholl, kien jilgħab il-football ma’ Sliema Wanderers kif ukoll mal-Pick Malta u kellu karriera mżejna mhux ftit.

B’hekk, ta’ erba’ snin, kont bdejt il-football. Fl- istess żmien, l-iskola l-ikbar ħabib li kelli kien it-tifel ta’ Dr Ivan Riolo, il-coach ta’ Starlites. 

Ta’ kull nhar ta’ sibt, kien jiġbor lili u lil ħija, u dlonk konna inqattgħu nofs ta’ nhar nilagħbu l-basketball flimkien ma’ wliedu. Matul iż-żmien, in-namra li kelli lejn il-basketball għelbet l-isport l-ieħor li kont nagħmel, u ta’ 14-il sena ddeċidejt li niffoka fuqu.

Kif tiddeskrivi dan l-is­taġun tiegħek ma’ Starlites?

Dan l-istaġun huwa wieħed ferm sabiħ għat-team tagħna. Il-ħames timijiet għandhom varjetá ta’ players, kemm barranin, kif ukoll lokali. 

Id-differenza li nara fit-team tagħna hu li l-club investa ħafna fin-nursery matul dawn l-aħħar snin, bir-riżultat li llum qed naraw ħafna żgħażagħ jmissu l-court fl-ewwel diviżjoni. 

Ninsab kburi li jiena wieħed minn dawk li tlajt min-nursery u bħali hemm ukoll li għandhom futur promettenti wkoll. 

It-team qed juri prestaz­zjoni tajba u kull ġimgħa qed naraw żvilupp u prog­ress. Li jkollok team żgħir ifisser li dejjem hemm x’titgħallem u spazju biex tikber fil-logħba. Kienet ta’ sfortuna kbira għalina li f’dawn l-aħħar sentejn, l-istaġun kellu jintemm kmieni għax konna għaddejjin b’ritmu tajjeb.

Kif jirnexxielek tlaħħaq mal-studju tiegħek, u mat-taħrig u l-logħob li jkollok?

Ommi u missieri għallmuni nkun iddixxiplinat f’kollox. 

Importanti li tkun taf tqassam il-ħin u ssib bilanċ bejn l-istudju u t-taħriġ. Ta’ kull ġimgħa nagħmel pjan u nipprova nwettaq dak kollu li għandi nagħmel.

Ma tantx huwa faċli meta tkun tistudja, taħdem, tikkowċja u tittrenja imma nagħmel mill-aħjar biex inlaħħaq ma’ kollox. Li jgħin żgur hu li ma nħallix l-affarijiet għall-aħħar u nipprova nispiċċahom minnufih.

X’kienu l-esperjenzi li kellek sa issa mat-team naz­zjonali tal-basketball?

L-ewwel esperjenza tie­għi kienet fl-2014 meta rbaħna l-midalja tad-deheb fil-kategorija ta’ Taħt is-16-il sena. Minn dak iż-żmien, iffurmajt parti mit-team tal-U18, tal-U20 kif ukoll mal-kbar. 

L-iktar esperjenzi memorabli kienu tal-U20 fl-2017 meta lgħabna fid-Diviżjoni B tal-Ewropej, fir-Rumanija u l-logħob tal-Pajjiżi ż- Żgħar fl-2019, il-Montenegro. 

Dawn inqishom bħala l-isbaħ esperjenzi għax kien hemm livell għoli ta’ basketball u differenti ħafna minn dak li naraw lokali. Is-sajf li għadda ffurmajt parti mit-team nazzjonali tal-kbar li kiseb il-midalja tal-bronż fl-Irlanda.

Player tal-kalibru tiegħek ġieli kkunsidra li jmur jil­għab barra minn Malta?

Hija l-ħolma ta’ kull player li jilgħab barra minn xtutna. Dawn l-aħħar sen­tejn kelli diversi opportunitajiet biex immur imma iddeċidejt li nispiċċa il-kors tal-Universitá qabel ma nibda avventura ġdida.

Il-pjan tiegħi hu li mmur nilgħab barra minn xtutna fis-sajf li ġej.

X’tikkummenta fuq il Malta Basketball Association mmexxija mill-president Pawlu Sultana?

Il-basketball hawn Malta mexa ħafna ‘l quddiem f’dawn l-aħħar snin bis-saħħa ta’ Pawlu Sultana u s-segretarju tal-MBA Joseph Muscat. 

Investew ħafna fl-akkademja b’diversi coaches barranin li żviluppaw ix- xogħol li jibda min-nurse­ries. Bla dubju, dejjem għad hemm xi jsir u nħossni grat li jien ukoll nifforma parti minn dan it-team ta’ coaches.

X’tikkummenta fuq ir- riżorsi u l-court il-ġdid fil-padiljun f’Ta Qali li fihom tilagħbu f’Malta speċjalment meta kkumparati ma’ dawk li tilagħbu fihom barra minn Malta mat-tim nazzjonali?

Minkejja li l-isport tal- basketball hawn Malta huwa kemmxejn żgħir, xorta għandna padiljun attrezzat fuq livell internaz­zjonali u jikkumpara taj­jeb ma’ dak li nilagħbu fihom barra. Barra minnhekk, min irid jitħarreġ għandu l-faċilitajiet biex iżur it-training courts matul il-ġurnata biex itej­jeb il-livell tiegħu.

Kemm taħseb li l-media f’Malta tagħti biżżejjed pub­bliċità lill-basketball?

Grazzi lit-team ta’ ġurnalisti li ikun dejjem preżenti fil-padiljun, il-logħob tal-basketball jin­għata pubbliċitá fuq il-gazzatti lokali, siti elettroniċi, kif ukoll programm fuq it-televiżjoni ddedikat kollu għall-basketball.

Minkejja dawn l-isforzi, il-basketball dejjem jibqa’ inqas popolari mill-football u b’hekk inħoss li jkun tajjeb kieku jkun hemm iktar nies involuti fil-marketing ta’ dan l-isport. B’hekk inkunu nistgħu nattiraw aktar sponsors u l-isport ikun jista’ jikber.

Taħseb li għad jiġi żmien f’Malta meta player tal- basketball f’Malta kemm fil-kamp maskili kif ukoll fil-kamp femminili jkun jista’ jgħix esklussivament per­mezz tal-basketball?

Biex inżid ma dak li għadni kif għidt, jekk m’hemmx biżżejjed pubbliċitá ma jkunx hemm biżżejjed fondi biex player Malti jista’ jitħallas u jgħix bħala player professjonali. Barra minn hekk, biex dan iseħħ, il-clubs iridu jinvestu fi struttura professjonali biex ikunu jistgħu jakkomodaw l-iżvilupp tal-players.

Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek bħala player?

Il-filosofija tiegħi hi li dak li tiżra, taħsad. Din hija mentalitá li nipprattika f’kollox. Fuq livell personali, l-opportunitajiet, kemm lokali u kif ukoll internazzjonali, qegħdin hemm u sta għalija li naħ­dem għalihom. 

Ta’ kuljum nitħarreġ biex niżviluppa fil-logħba u nkun nista’ nikkontribwixxi bħala player Malti. Għandi responsabbiltá li, kemm bħala player kif ukoll bħala coach, u fuq kollox bħala bniedem, inkun ta’ eżempju tajjeb u role model għal dawk it-tfal kollha li jsegwu l-logħba.

… u tat-team ta’ Starlites?

Futur eċċitanti, speċjalment meta nara li mill-2014 ksibna ħafna unuri fil-ka­tergoriji tan-nursery kollha. Ta’ kull sena, in-numru ta’ unuri qed jiżdied. Barra minn hekk, in-numru ta’ parteċipanti fin-nursery qed jikber ukoll, tant, li kellna ndaħħlu żewġ timijiet f’kull kategorija tas-su­bien. Kburi li nikkowċja u nagħti sehmi fit-taħriġ.

Tixtieq tgħaddi xi ringrazzjamenti partikolari?

Ma wasaltx fejn wasalt li kieku ma kienx hemm il-familja timbuttani u tissapportjani f’kull mument u f’kull deċiżjoni li ħadt fil-karriera tiegħi. Nirringrazzja ukoll lil Dr Ivan  Riolo li bdieni f’dan l-isport tant sabiħ!

Tista’ tgħaddi messaġġ lil dawk li jixtiequ jagħmlu karriera fil-basketball?

L-iktar ħaġa mportanti hi li tieħu gost tagħmel dak li tkun qed tagħmel. Kif dan iseħħ, it-taħriġ, minkejja li xi kultant ikun diffiċli u ma jkollokx aptit, ma jibqax jidher bħala sagrifiċju, iżda pass ieħor importanti fl- iżvilupp tiegħek bħala player. 

Qatt ma taf biżżejjed u qatt ma tista’ tittrejna biż­żejjed. Għalhekk inħeġġeġ lit-tfal kollha biex jieħdu gost jilagħbu l-logħba daq­s­tant sabiħa, għaliex dak huwa l-uniku mod biex tiżviluppa dedikazzjoni, impenn u perseveranza.

Sport