Thursday, March 28, 2024

ARA: “Il-pandemija ġabet l-industrija tal-mużika f’biċċiet” – John Newman

Aqra wkoll

YouTube video

John Newman twieled nhar is-16 ta’ Ġunju 1990 fil-belt Ingliż ta’ Settle fir-reġjun ta’ North Yorkshire fl-Ingilterra u llum il-ġurnata għandu 31 sena. Hu meqjus bħala kantant, kittieb tal-mużika u record producer mill-aqwa. Hu magħruf għad-diska tant famuża Love Me Again li f’Lulju 2013 spiċċat fl-ewwel post tal-klassifika fir-Renju Unit. Barra minn hekk din l-istess diska kienet parti mill-grupp ta’ diski li nstemgħu fil-logħba elettronika FIFA 14.

Newman kien parti mill-kitba u mill-interpretazzjoni flimkien ma’ Rudimental ta’ żewġ diski ċelebri Feel The Love u Not Giving In li anke hawn kienu għal diversi ġimgħat fl-ewwel post mhux biss fil-klassifiċi Ingliżi u Ewropej iżda anke dawk fl-Istati Uniti.

Fis-sena 2014 hu kellu kollaborazzjoni ma’ Calvin Harris bid-diska Blame li m’għandniex xi ngħidu laħqet il-quċċata fil-klassifiċi Ingliżi. F’dik is-sena partikolari, Newman ġie nnominat għal tliet Brit Awards li fosthom kien jinkludi l-unur tal-British Male Solo Artist. Fis-snin ta’ wara hu wkoll kien innominat fil-UK u MTV Music Video Awards, Ivor Novello Awards, BMI London Awards u iHeartRadio Music Awards. Ġie stmat ukoll li fis-sena 2014 hu biegħ aktar minn 1.3 miljun rekords fir-Renju Unit biss.

Kollaborazzjonijiet oħra li kellu f’dawn l-aħħar snin kienu jinkludu wkoll lil Sigala, Kygo u James Newman. Aktar diski tajbin li kiteb u kanta Newman f’dawn l-aħħar snin kienu jinkludu Losing Sleep, Tiring Game, Fire in Me, Without You, High on You u If You Really Love Me.

Apparti l-lat vokali li jidher wieħed ferm prominenti, John Newman jaf ukoll idoqq il-pjanu u l-kitarra.

Ilbieraħ dan il-kantant tant famuż ħa sehem fil-kunċert ta’ lejliet l-ewwel tas-sena organizzat mill-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta u kien parti mill-ammont ta’ attivitajiet maħsuba għall-jiem tal-festi tal-Milied mill-programm Christmas in the City.

Għal Newman din kienet l-ewwel darba li żar pajjiżna u minkejja l-fama mondjali li għandu, deher ferm eċitat għal din il-biċċa tax-xogħol. 

“Kont ferm eċitat li ġejt fil-gżejjer Maltin għall-ewwel darba. Smajt ħafna dwar dan il-pajjiż iżda ngħidlek il-verità qatt ma kelli ċ-ċans inżuru. B’xorti ħażina, in-nies ma setgħux jattendu għall-kunċert b’mod live minħabba l-pandemija tal-COVID-19 li għolliet rasha sew fl-Ewropa. Madankollu xorta waħda ħadt pjaċir fuq il-palk li ntrama’ fil-Forti Sant’Iermu li nistqarr miegħek għandu xenarju mill-isbaħ.”

John Newman qalilna li beda l-karriera mużikali tiegħu meta kien għadu żgħir. Peress li hu twieled f’Settle, l-opportunitajiet kienu ftit. Meta kellu sitt snin kien jisma’ ħafna żewġ gruppi mużikali partikolari bl-isem ta’ Motown u Stax. Aktar tard ried jimraħ f’din id-dinja tant sabiħa.

“Niftakar li bdejt nitgħallem il-kitarra u aktar tard saħansitra bdejt nikteb il-mużika tiegħu stess, xi ħaġa li komplejt niżviluppaha sew. Meta tfarfart, bdejt ukoll nagħmilha ta’ DJ u hemmhekk irnexxieli niltaqa’ ma’ personalitajiet differenti li għallmuni ħafna affarijiet.”

“Ta’ 16-il sena mort fil-belt ta’ Leeds fejn hemmhekk infetħuli bibien kbar u żviluppajt aktar il-leħen li rajtu l-iktar parti importanti fil-karriera mużikali tiegħi. Aktar tard meta għalaqt 20 sena, mort Londra u m’hemmx għalfejn ngħidlek hemmhekk kien fejn bdejt nistabilixxi ruħi sew fil-qasam mużikali. Kburi ngħid li kkollaborajt ma’ diversi DJs u kantanti oħra u l-vjaġġ mużikali tiegħi kien qabad sew. Illum ninsab hawnhekk fejn kuntent li kont magħkom sabiex ferraħt ukoll il-poplu Malti lejliet l-Ewwel tas-Sena.”

Ritratti

Newman iddeċieda wkoll li jagħmel waqfa ta’ sentejn wara kważi għaxar snin għaddej bla heda b’kunċerti, produzzjonijiet, recordings u mitt elf ħaġ’oħra. Hu stqarr li kull kantant ikollu bżonn din il-waqfa sabiex jerġa’ litteralment jirxoxta apparti li jilħaq jaħseb fuq ideat ġodda sabiex dejjem ikun aktar versatili. Warakollox kif jgħid hu, il-bidla hi importanti sabiex kantant jew mużiċist ikompli għaddej bl-istili mużikali li l-ħin kollu jevolvu. 

Iżda John Newman jikkunsidra d-diska Love Me Again bħala l-aqwa waħda li qatt ħareġ?

“Mużikalment naħseb li Love Me Again hi l-iktar waħda prestiġġjuża li qatt kelli għalkemm irrid ngħid li l-kollaborazzjoni li kelli ma’ Calvin Harris kienet waħda importanti wkoll. Dan il-produttur mużikali ispirani ħafna u kien ta’ sostenn kbir anke f’mumenti diffiċli li għaddejt minnhom.”

Kellimna lil Newman dwar David Guetta u kif jispirah fix-xena mużikali.

“David Guetta hu DJ uniku bi snin kbar ta’ esperjenza. Kien ta’ unur kbir għalija li ningħaqad miegħu f’xi kunċert fl-Ingilterra. Narah bħala DJ li minkejja li llum il-ġurnata m’għadux żgħir, jaf jadatta għaż-żminijiet tal-lum u apparti minn hekk, il-kantant iħossu komdu miegħu.”

Dan il-kantant Brittaniku jammetti li l-pandemija tal-COVID-19 affettwa sew il-qasam mużikali b’ħafna kunċerti li jitħassru u fuq kollox l-artisti, il-kantanti, il-mużiċisti u kull min hu nvolut fil-qasam mużikali li tilfu sentejn. Din ċertament ħalliet impatt kbir anke psikoloġiku fuqhom minħabba li ħadd ma stenna li kienet se ttul daqshekk. Kien hawn fejn Newman kien ferm kuntent li jinsab Malta.

“Verament kont kuntent li tajt dan il-kunċert fil-gżejjer Maltin għax għalija kienet ukoll opportunità wara xhur fejn kien diffiċli li ttella’ produzzjoni minħabba dak kollu li qed jiġri fid-dinja.”

Iżda kif jaħseb li se tkun is-sena 2022 għalih?

“Jien se nkompli naħdem, nibqa’ dejjem saqajja mal-art u nibqa’ wkoll nisma’ l-kritika ta’ ħaddieħor. Minkejja li ksibt suċċess b’diversi diski, qatt ma ħallejtu jitla’ għal rasi għax nemmen li jkun il-mument meta taqbad it-triq tan-niżla. L-umiltà tgħallmek tibqa’ dejjem iffukat u taf kemm taf qatt mhu biżżejjed.”

“Fuq kollox, għandi ħafna ideat għas-sena 2022 li għalissa għadhom f’moħħi iżda li rrid noqgħod bilqiegħda u nibda npoġġi fil-prattika dak li beħsiebni nagħmel. Fiduċjuż dejjem f’dak li nagħmel.”

Finalment, dan is-sit talab lil John Newman jagħti messaġġ liż-żgħażagħ speċjalment dawk li jixtiequ jaqbdu karriera mużikali.
“Dejjem emmnu fil-kapaċijiet tagħkom, ibqgħu saqajkom mal-art, dejjem umli u s-suċċess jasal waħdu. Tħallu lil ħadd jaqtgħalkom qalbkom. Jien għaddejt minn din is-sitwazzjoni. Ġeneralment ikunu nies li ma jkollhomx intenzjoni tajba u li jridu jwaqqgħulek il-moral. Iżda importanti li tibqa’ sod ħalli tirnexxi u ttejjeb dejjem aktar il-ħiliet mużikali tiegħek.”

Ekonomija

Sport