Tuesday, November 25, 2025

Alex Borg jgħid li se jagħmel lil Għawdex prijorità

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Alex Borg qal fil-Parlament dalgħodu li hu biss Partit Nazzjonalista fil-Gvern li jista’ lil Għawdex jagħmilha prijorità u jagħmel l-investimenti neċessarji f’din il-gżira biex skontu ma tibqax biss estensjoni ta’ Malta imma tkun verament djamant f’nofs il-Mediterran. 

Huwa reġa’ qal li PN fil-Gvern se jinvesti f’erba’ vapuri ġodda u vapur ieħor għall-merkanzija minn Għawdex għall-Port Ħieles. Qal ukoll li l-viżjoni tagħhom li jkun hemm investiment serju fil-Gozo Innovation Hub biex jattira kumpaniji dinamiċi li llum jinvestu fil-Medtech u l-Fintech filwaqt li ssir riforma ħolistika u serja fil-Port tal-Imġarr biex ikun jista’ jindirizza l-eżiġenzi u l-bżonnijiet tal-lum.

Dr Borg saħaq fuq il-bżonn li jkun hemm pjan serju għat-traffiku fir-Rabat Għawdex u li jsir investiment fi sptar ġdid fil-gżira Għawdxija. 

Huwa tkellem ukoll dwar il-Qorti t’Għawdex u nnota li dan l-aħħar “sar xi forma ta’ ftehim għal bini ġdid”, li għalkemm irrikonoxxa li dan kien pass tajjeb, fi kliemu stess dan sar “tard wisq.” 

F’dan ir-rigward huwa għamel sensiela ta’ mistoqsijiet lill-Ministru għal Għawdex u l-Ministru tal-Ġustizzja fosthom dwar meta hu stmat li se jibda x-xogħol fuq il-post u meta mistenni li jispiċċa. 

Huwa talab għal aktar spjegazzjoni dwar l-istima tal-ispejjeż u l-fondi allokati fuq din il-binja ġdida tal-Qorti t’Għawdex u jekk għandux jinħatar kumitat ta’ monitoraġġ b’ħaddiema u avukati. Dan filwaqt li “naraw li verament din il-binja tkun aktar aċċessibbli mill-binja eżistenti li hemm sakemm jispiċċa l-proġett.”

Dr Borg sostna wkoll li “rridu naraw li nagħmlu mudell ta’ ppjanar illi verament jiggarantixxi futur aħjar lil pajjiżna.” Tenna li “bħala Oppożizzjoni nemmnu bis-sħiħ li hemm bżonn verament riforma ħolistika fis-settur tal-ippjanar. L-ambjent irridu nibżgħu għalih għax fl-aħħar mill-aħħar irid jimxi id f’id ma’ żvilupp sostenibbli.”

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport